Lokali

Filmat: Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid li m’hemmx lok ta’ evakwazzjoni alissa

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kelliem dwar l-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonniċi ressaq mozzjoni fil-Parlament biex fid-dawl tas-sitwazzjoni mwegħra fil-Libja bħalissa, jkunu diskussi r-relazzjonijiet diplomatiċi preżenti fis-sitwazzjoni politika li għaddejja bejn pajjiżna u l-Libja.

Il-mozzjoni kienet ippreżenta lil Ispeaker Anglu Farrugia minn Carm Mifsud Bonnici flimkien mal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.

Il-mozzjoni tirreferi għall-periklu li jinsabu fih xi ċittadini Maltin fil-Libja u dan f’mument fejn l-Ambaxxata Maltija fi Tripli m’hi qed tagħti ebda assistenza. Il-mozzjoni titlob li l-Gvern ikun trasparenti u jinforma lil Kamra anke dwar x’qed jiġri dwar l-immigrazzjoni irregolari mil-Libja, xi żviluppa fil-konsolat Malti u t-traffikar illegali taż-żejt lejn pajjiżna.

Sadattant aktar tard, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella ikkonferma li kemm l-Ambaxxatur Malti għal-Libja Mannie Galea u tieni l-ogħla ufficjal fl-Ambaxxata Patricia Borg m’humiex fil-Libja u l-Ambaxxatur jinsab f’Malta. Hu qal li fl-Ambaxxata Maltija fi Tripli hemm żewġ personell Maltin imma minħabba n-nuqqas ta’ sigurta’ l-ambaxxata qed tinżamm magħluqa.

Il-Ministru George Vella qal li s-sitwazzjoni fil-Libja mhix sabiħa imma s’issa mhix allramanti u ghalkemm hemm riskju, s’issa m’hemmx ghalfejn issir l-evakwazzjoni tal-Maltin li jisabu fil-Libja.

Il-Ministru Vella qal li jekk issir l-evakwazzjoni tal-Maltin mil-Libja jista’ jinholoq allarm u jkun hemm effett fuq pajjizi ohra.

Hu qal li fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin twaqqaf Crisis Centre li kkuntattja madwar 264 Malti li jinsabu fil-Libja imma hemm 40 persuna li s’issa ma kinux ikkuntattjati. Jista jkun hemm ukoll xi Maltin fil-Libja li wiehed ma jkunx jaf bihom.

Hu qal li bħalissa qed jaħdmu żewġ ajruport dak ta’ Mitiga fi Tripli u dak ta’ Misrata. Jidher li l-Erbgħa filgħodu infetaħ l-ispazju tal-ajru tal-Libja wara li aktar qabel kien ingħalaq.

Hu rrefera wkoll għall-mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista ftit qabel u qal li ma jaqbilx li hemm periklu għall-ħajja ta’ xi Maltin li hemm fil-Libja.