Il-Prim Ministru Joseph Muscat kompla jnawwar il-kredibilita’ tiegħu meta għażel min jeddu li minkejja bosta appelli li sarulu, ma jippubblikax il-kuntratti li l-Gvern tiegħu ffirma ma’ entitajiet privati u barranin, qabel ma ssir id-diskussjoni fil-Parlament dwar il-liġi tal-Enemalta. Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista nsista li l-istil ta’ tmexxija tiegħu u tal-Partit Laburista hu kompletament differenti. Ta’ min ifakkar, saħaq il-Partit Nazzjonalista, li fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Parlament Malti kien jinsab fl-istess sitwazzjoni li kien jinsab fiha bejn ilbieraħ u llum, ċioe’ fejn l-Oppożizzjoni talbet lill-Gvern biex jippubblika kuntratti relatati mal-enerġija qabel issir diskussjoni fil-Parlament.
Fl-2008, taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, l-Oppożizzjoni Laburista kienet talbet lill-Gvern biex jippubblika ftehim bejn il-Korporazzjoni Enemalta u Liquidgas Malta Limited, u ftehim bejn il-Korporazzjoni Enemalta u Gasco Energy Limited, qabel issir id-diskussjoni fil-Parlament dwar ir-riżoluzzjoni biex il-Korporazzjoni Enemalta tittrasferixxi b’subċens għal 33 sena proprjeta’ f’Bengħajsa lill-kumpanija Gasco Energy Limited tkompli tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
L-Oppożizzjoni kellha kull dritt titlob ruling lill-Ispeaker biex dawn il-kuntratti jiġu ppreżentati qabel tibda d-diskussjoni. Fil-fatt, il-Gvern Nazzjonalista ta’ dakinhar kien għadda l-kuntratti lill-Oppożizzjoni u ftit tal-jiem wara poġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra.
Madanakollu, jgħid il-Partit Nazzjonalista, ir-riga li ried li jintuża Joseph Muscat ħames snin ilu, jidher li issa tgħawwġet xi ftit, għaliex il-Prim Ministru Muscat qed jibqa’ jinsisti li ma jippubblikax il-ftehim li hu ffirma mal-kumpanija ElectroGas u l-Memorandum of Understanding mal-kumpanija Shanghai Electric.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra, bħalma għamlet il-media indipendenti, qiegħed jappella lill-Gvern biex jippubblika dawn il-kuntratti mill-aktar fis possibli, biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu ċ-ċans li jkun infurmat bid-dettalji kollha.
//= $special ?>