Lokali Parlament

Interpretazzjoni tal-Ordnijiet Permanenti mill-iSpeaker twassal biex il-parlament jiltaqa’ għada filgħodu

Minkejja dak li jgħidu l-Ordnijiet Permanenti, skont Ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Parlament se jerġa’ jiltaqa’ għada filgħodu biex ikompli għaddej bix-xogħol tal-Gvern.

L-ordni permanenti 8 (2) jistabbilixi li “…. xogħol ta’ Membri Privati (Oppożizzjoni) għandu jkollu preċedenza fuq ix-xogħol tal-Gvern kull nhar ta’ Ħamis alternattiv, li fih tagħmel seduta l-Kamra.” Dan ir-ruling ingħata fuq talba tal-Oppożizzjoni peress li kien għad ma kellhiex informazzjoni għal meta kellha taġġorna l-Kamra.

Wara l-intervent ta’ George Pullicino fl-abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius talab lill-Ispeaker biex ikun jaf għal meta se jkun aġġornat il-Parlament għaliex l-Oppożizzjoni trid tippjana x-xogħol tagħha. David Agius qal li ma kienx hemm laqgħat tal-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra u għalhekk skont l-ordnijiet permanenti, il-laqgħa li jmiss għandha ssir nhar it-Tnejn.

L-Ispeaker qal li hu l-Gvern li jressaq l-aġġornament u sta għall-Gvern li jiddeċiedi meta ssir il-laqgħa li jmiss.

David Agius insista li l-Oppożizzjoni tkun infurmata meta se ssir il-laqgħa li jmiss u talab ruling mill-Ispeaker.

Il-whip tal-Gvern, Carmelo Abela qal li l-Parlament kien se jitlaqqa’ l-Ħamis filgħodu.

David Agius qal li l-Ħamis hi ġurnata dedikata għall-Oppożizzjoni u jekk il-Parlament se jitlaqqa’ l-Ħamis, allura għandu jsir xogħol li hemm pendenti mressaq mill-Oppożizzjoni. Carmelo Abela qal li l-aġenda jiddeċidiha l-Gvern u ċaħad li l-Ħamis isir xogħol biss tal-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker issospenda s-seduta biex jagħti ruling.

Fir-ruling tiegħu wara sospensjoni, l-Ispeaker qal li fin-nuqqas ta’ qbil dwar il-laqgħat, skont l-ordnijiet permanenti, nhar ta’ Ħamis isir xogħol tal-Oppożizzjoni b’alternanza ma xogħol tal-Gvern. Dan ifisser li darba jsir xogħol tal-Oppożizzjoni u darba xogħol tal-Gvern.

L-Ispeaker qal ukoll li matul il-leġislatura saru diversi seduti b’xogħol tal-Oppożizzjoni li mhux neċessarjament saru l-Ħamis. Hu qal li fin-nuqqas ta’ qbil dwar ix-xogħol tal-Kamra u fin-nuqqas ta’ mozzjoni ta’ proċedura qed isegwi l-ordnijiet permanenti billi għada ikun diskuss xogħol tal-Gvern u meta jkun qed jerġa’ jiltaqa’ nhar ta’ Ħamis, il-Parlament jiddiskuti xogħol tal-Oppożizzjoni.