Lokali

Ir-raġuni la tigdeb u lanqas titgħajjar

Pajjiż serju ma jistax jaċċetta li l-Prim Ministru jagħti nofs miljun ewro lill-mara ta’ Ministru. Biex tkompli tagħqad, issa l-Prim Ministru qed ikompli jigdeb, bħall-mara tal-Ministru Mizzi, u qed jitgħajjar flok jirraġuna.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista stqarr li barra li s-Sinjura tal-Ministru Mizzi gidbet lill-ġurnalisti meta vvintat ċifra tal-ħlas tagħha, l-istess gidba rrepetieha l-Prim Ministru. Dan hu aġir li ma jixraqx lil Prim Ministru ta’ pajjiż serju li jippretendi l-bażiku minn Joseph Muscat: il-verità.

Qed ikompli jiġi kkonfermat minn sorsi indipendenti li l-mara ta’ Konrad Mizzi qed tieħu 13,000 ewro fix-xahar u aktar minn Ambaxxatur. Dan meta fiċ-Ċina l-Prim Ministru diġà ħatar Ambaxxatur lil Clifford Borg Marks. In-nofs miljun li qed jagħti l-Prim Ministru mhumiex lil xi Ambaxxatur imma lill-mara ta’ ministru. Fil-kuntratt ta’ mart Konrad Mizzi jirriżulta wkoll li mhijiex qed tħallas it-taxxa bħal kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li kull min jirraġuna jaf li nofs miljun ewro lill-mara ta’ Ministru jingħataw biss f’pajjiżi korrotti u antiliberali. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal il-verità li llum hi kkonfermata mill-analiżi li qed jagħmel kull min hu indipendenti. Min-naħa l-oħra, Prim Ministru ta’ pajjiż serju, liberu u nadif għandu juri rispett għall-kritika u jirraġuna quddiem il-kritika, mhux jigdeb.

Ir-raġuni la tigdeb u lanqas titgħajjar.