Edukazzjoni Lokali

L-UMASA tilmenta’ li n-negozjati mal-gvern huma staġnati

Università ta' Malta

Aktar stennija għall-istudenti li qed jistennew li jkunu ippubblikati r-riżultati tal-eżamijiet tal-Universita` u tal-Junior College wara li baqa’ ma ntlaħaqx ftehim dwar ftehim kollettiv ġdid bejn il-union tal-lecturers tal-Universita` u l-Junior College, l-UMASA u l-Gvern. Dan se jfisser ukoll anqas żmien għal l-istudju għal dawk l-istudenti li m’għaddewx minn xi eżami u jridu jagħmlu r-resits f’Settembru li ġej.

Fi stqarrija maħruġa mill-UMASA jingħat li l-union bagħtet e-mail lil lecturers li fiha infurmathom li n-negozjati għal ftehim kollettiv jinsabu staġnati minħabba li l-awtoritajiet tal-Gvern ma bagħtux il-proposti riveduti tagħhom.

Intqal li l-unions ma rċevew l-ebda komunikazzjoni uffiċjali sa mid-9 ta’ Lulju. Għalhekk l-UMASA qalet li jidher li l-kwistjoni se ttul u l-Unions qed jiċċirkolaw l-informazzjoni permezz tal-e-mail biex jinformaw lil istaff akkademiku tal-Universita u tal-Junior Colege dwar kif l-aħjar jimxu mad-direttivi u li jgħinu biex malli d-direttivi jitneħħew, l-Universita` u l-Junior College ikomplu bil-ħidma tagħhom.

Dwar ir-riżultati tal-eżamijiet tal-istudenti fl-Universita` u fil-Junior College li m’humiex fl-aħħar sena il-Bord ta’ Eżaminaturi jista’ jiltaqa’ u jiddiskuti u jaqbel dwar ir-riżultati imma dawn ir-riżultati ma jingħatawx lil amministrazzjoni

Dwar ir-resits f’Settembru id-direttiva hi li jippreparaw il-papers tar-resits issa bi qbil mal-Bord tal-Eżaminaturi biex jekk id-direttivi jieqfu, jkunu jistgħu jingħataw lil amministrazzjoni.

Sakemm id-direttivi ma jkunux twaqqfu fil-ħin għal laqgħa tas-Senat ta’ Settembru, programmi ta’ studju ġodda jew mibdula li ma kinux approvati mis-senat ma jkunux jistgħu jiftħu jew jinbidlu fil-ħin għas-sena akkademika 2014-15.

Direttiva oħra hi li jekk il-membri qed jippjanaw li jkunu barra minn Malta għal xi konferenza jew jieħdu l-leave, il-membri tal-istaff l-ewwel iridu japplikaw għal leave. Jekk dan ma sarx u huma jkunu barra minn Malta meta d-direttivi jitwaqqfu, jkunu mistennija jipparteċipaw f’laqgħat uffiċjali li jista’ jkun hemm bżonn. Dan japplika għall-akkademiċi residenti kollha.

Il-Kunsill tal-Universita` ta’ Malta u l-bordijiet u s-sotto-kumitati m’humiex suġġetti għal dawn id-direttivi. L-akkademiċi għandhom jattendu għal dawn il-laqgħat.

Il-unions fakkru lil membri tal-istaff li dawk li m’humiex membri ta’ union, jistgħu jimxi mad-direttivi mingħajr ma jkunu ikkastigati. Jekk persuna li timxi mad-direttivi titpoġġa taħt pressjoni biex tikser id-direttivi, għandha tirrapporta lil union.

Id-direttivi li jinsabu fis-seħħ huma li jinżammu r-riżultati tal-undergradutes li m’humiex fl-aħħar sena tagħhom, il-membri m’għandhomx jattendu laqgħat uffiċjali tal-bordijiet u tad-dipartimenti, fakultajiet, istituti senat u s-sotto kumitati.

Id-direttivi jippermettu lil Bord tal-Eżaminaturi li jiltaqa b’mod normali imma r-riżultati maqbula m’għandhomx ikunu sottomessi lil amministrazzjoni sakemm id-direttivi ma jitwaqqfux. Dan ħlief għal studenti undergarduates li huma fl-aħħar sena.