Qorti

Aġġornata: Mhux milqugħ l-appell tal-Avukat Ġenerali għall-ħelsien tal-akkużati fuq il-qtil ta’ Mario Camilleri u ibnu

L-Imħallef Tonio Mizzi ma laqgħax l-appell li sar mill-Avukat Ġenerali mid-deċiżjoni li ttieħdet fl-4 ta’ Lulju li għadda. Il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet li l-Qorti tal-Maġsitrati mxiet sew u skont il-liġi meta laqgħet it-talba minn naħa tad-difiża, liema appell ukoll kellu kundizzjonijiet iebsa fil-konfront tal-akkużati.

Aktar qabel: L-Avukat Ġenerali jappelli mill-ħelsien tal-akkużati fuq il-qtil ta’ Mario Camilleri u ibnu

L-Avukat Ġenerali appella mid-deċiżjoni li ttieħdet fl-4 ta’ Lulju li għadda meta Jason Galea ta’ 40 sena minn Birżebbuġia u George Galea ta’ 42 sena minn San Ġiljan, li huma akkużati bil-qtil ta’ Mario Camilleri magħruf bħala l-Imnieħru, u ta’ ibnu Mario Camilleri Jr. ġew mogħtija il-liberta’ proviżorja,mill-Qorti tal-Maġistrati.

Dan il-ħelsien mill-arrest għandu diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jistgħux joħorġu mid-dar, ħlief għal siegħa biss filgħodu u siegħa filgħaxija, bejn id-9.00 a.m. u l-10.00 a.m. u s-6.00 p.m. u s-7.00 p.m.

George u Jason Galea kienu ingħataw il-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Tonio Micallef, fuq depożitu ta’ €30,000 u garanzija ta’ l-istess ammont kull wieħed. Meta tat il-ħelsien mill-arrest, il-Qorti qalet li tħoss li għandha tagħtih wara li kkunsultat l-artikli relevanti fil-liġi kif ukoll il-gravità tar-reat kommess.

F’kawża separata, l-istess Jason Galea huwa akkużat flimkien ma’ Ronald Urry bil-qtil ta’ Matthew Zahra f’Awwissu 2012. F’dan il-każ ukoll, f’dawn l-aħħar jiem l-imputati ngħataw ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €30,000 kull wieħed. Huma kienu ordnati wkoll li ikunu d-dar fis-6.00 p.m. u ma joħorġux qabel it-8.00 a.m.

Għal Jason Galea qiegħed jidher l-avukat Joe Gilgio filwaqt li għal Urry qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri. Għal George Galea qed tidher l-avukat Giannella de Marco.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Anzjan Chris Pullicino, u l-Ispetturi Michael Mallia, Fabian Fleri u Louise Calleja. Id-deċiżjoni dwar l-appell tal-Avukat Ġenerali mistennija tkun magħrufa aktar tard llum.