Lokali

Proġett Ġgantija 2013 fil-Kavallier ta’ San Ġakbu

Bħalissa fiċ-Ċentru għall-Kreattivita` fil-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-Belt qed issir wirja imsejħa Proġett Ġgantija 2013 li tinkludi xogħol ta’ arti viżiva mill-artist żagħżugħ Għawdxi, Victor Agius. Flimkien miegħu hemm ukoll Mariella Cassar Cordina, kompożitur, il-kittieb Immanuel Mifsud u Vince Briffa hu l-kuratur.

L-wirja fiha wkoll ritratti dwar performace li saret fit-tempji storiċi tal-Ġgantija f’Ġunju tas-sena li għaddiet kif ukoll mużika, letteratura u anke filmati.

In-Nazzjon fil-jiem li għaddew żar din il-wirja u tkellem mal-artist Victor Agius li spjega l-iskop ta’ din il-wirja. Hu spjega li f’dan il-proġett qed jintuża s-sit tat-tempji tal-Ġgantija fix-Xagħra Għawdex li hu patrimonju tal-UNESCO li serva bħala l-punt tat-tluq ta’ vjaġġ ta’ riċerka u xogħol fl-arti u huma bħala artisiti iddjalogaw miegħu permezz ta’ arti kontemporanja, mużika u letteratura.

Hu spjega wkoll kif inhi mqassma din il-wirja fid-diversi swali tal-Kavallier ta’ San Ġakbu fejn fl-ewwel sala hemm skulturi u fit-tieni sala hemm video b’dokumentarju dwar dak li sar fit-Tempji ta’ Ġgantija fil-21 ta’ Ġunju 2013. Hemm tinstema l-mużika li ndaqqet f’dik l-attivita` kif ukoll hemm ritratti u scetches ta’ kif saret l-attivita`. Fis-swali l-oħra hemm skultura u anke xogħol ta’ pittura.

Victor Agius spjega wkoll it-tema marbuta ma din il-wirja hi t-tema tal-art għax hu jemmen ħafna dwar ir-riċerka tal-art u l-ħamrija għax fiha jara l-valur li għalih hu kważi sagru u jorbot ukoll mat-tempji. Fis-sala l-kbira hemm skultuta ta’ Victor Agius stess maħduma minn tafal minn Għawdex li mhux imsajjar bħala terracotta imma tħalla bħala tafal naturali. L-iskop hu li permezz ta’ dawn l-iskulturi juża l-metafora tal-kobor tat-tempji tal-Ġgantija.

Il-wirja Ġgantija 2013 se tibqa miftuħa sal-24 ta’ Awwissu u d-dħul hu bla ħlas. Matul il-ġimgħa d-dħul hu bejn id-9 a.m. u s-1 p.m u s-Sibt u l-Ħadd bejn l-10 a.m u s-1 p.m.