Is-servizz xjentifiku intern tal-Kummissjoni, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), ippubblika l-ewwel rapport komprensiv dwar il-politiki dwar l-ikel fl-iskejjel fl-Ewropa biex tnaqqas l-obeżità fost it-tfal.
Dan juri li l-pajjiżi Ewropej jirrikonoxxu kemm l-ikel li jingħata fl-iskejjel huwa importanti għas-saħħa u għall-iżvilupp fiżiku u dak edukattiv tat-tfal. Il-pajjiżi kollha inklużi fl-istudju għandhom linji gwida dwar l-ikel fl-iskejjel, għalkemm ivarjaw ferm bejniethom. Il-miżuri nazzjonali mmirati lejn il-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa fl-iskejjel ivarjaw minn linji gwida volontarji, pereżempju fejn għandhom x’jaqsmu l-menus u d-daqs tal-porzjonijiet, għal projbizzjonijiet totali, inkluż fuq il-kummerċjalizzazzjoni tad-distributuri awtomatiċi u x-xarbiet miżjuda biz-zokkor.
Il-Kummissarju għas-Saħħa Tonio Borg qal: “Kważi wieħed minn kull tlett itfal fl-Ewropa għandu piż żejjed jew huwa obeż, u għalhekk hemm riskju li jiżviluppa għadd ta’ mard li jista’ jiġi evitat, inkluża d-dijabete tat-Tip 2. L-iskejjel huma sħab importanti fl-isforzi tagħna biex inħeġġu lit-tfal jiżviluppaw drawwiet alimentari tajbin għas-saħħa, biex ikunu jistgħu jikbru b’saħħithom, jiksbu riżultati tajbin fl-iskola u jiżviluppaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom. Għaldaqstant, l-ewwel valutazzjoni tal-politiki dwar l-ikel fl-iskejjel tikkontribwixxi ferm għall-ġlieda tagħna kontra l-obeżità.”
Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju responsabbli għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, stqarret: “Dan ir-rapport jipprovdi bażi tajba għax-xjenzati, l-edukaturi u dawk li jfasslu l-politika fl-Ewropa biex jinvestigaw ir-rabtiet potenzjali bejn il-politiki dwar l-ikel fl-iskejjel u s-saħħa pubblika, u jevalwaw l-effikaċja tal-promozzjoni tad-drawwiet alimentari tajbin għas-saħħa.”
Ir-rapport analizza d-dokumenti politiċi nazzjonali l-aktar riċenti għall-istandards u l-linji gwida dwar l-ikel disponibbli fl-iskejjel primarji u sekondarji. Dan jiddeskrivi dawn il-politiki skont kriterji komuni, bħall-ikel li huwa permess jew ipprojbit, il-livelli nutrizzjonali, il-faċilitajiet fejn jieklu t-tfal, is-servizzi ta’ kejtering u r-restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni.
L-analiżi tal-politiki dwar l-ikel fl-iskejjel twettqet bl-għajnuna tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-UE dwar in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika biex tiġi appoġġjata l-Istrateġija tal-UE għall-2007 dwar kwistjonijiet ta’ saħħa relatati man-nutrizzjoni, il-piż żejjed u l-obeżità, kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fost it-Tfal 2014-2020.
//= $special ?>