Lokali

Tama li l-Gvern jibdel il-ħsieb dwar finanzjament serju tal-partiti

Il-Partit Nazzjonalista innota li l-Ministru Owen Bonnici rrifjuta li ssir diskussjoni dwar il-finanzjament pubbliku tal-partiti politiċi u ħareġ kontra l-proposta tal-Partit Nazzjonalista, u li kienet saret mill-Partit Laburista stess, biex il-partiti ma jibqgħux jiddependu fuq donazzjonijiet minn interessi privati.

Fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami saħaq li l-proposta għall-finanzjament tal-partiti mill-Istat kienet saret mill-Partit Laburista fis-Select Committee li kien twaqqaf fil-leġiżlatura li għaddiet. Din il-proposta llum għandha l-qbil kemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-Alternattiva Demokratika.

Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li ssir diskussjoni fuq tul ta’ xahar minn kumitat imwaqqaf apposta biex dan il-konsensus politiku jkun tradott f’liġi u azzjoni m’għandhiex twassal għal dewmien meta l-Gvern stess kien qal li l-liġi tal-finanzjament tal-partiti kien se jdaħħalha fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar li ġej.