Qorti

Tibda l-kumpilazzjoni taż-żewġt irġiel akkużati bi qtil li seħħ 14-il sena ilu f’San Ġwann

Joseph Zammit, priġunier li qed iservi sentenza ta’ 30 sena ħabs fuq il-qtil ta’ messaġġier tal-Bank of Valletta li seħħ 14-il sena f’San Gwann qal li huwa jinsab il-ħabs għalxejn.

Zammit kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra James Vella minn Ħal Qormi u Chris Scerri minn Tal-Pieta li tressqu l-Qorti nhar il-Ġimgħa u li qed iwieġbu li mhux ġatja tal-akkużi miġjuba kontrihom b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-każ imur lura għat-18 ta’ Settembru tas-sena 2000 meta Alphonse Ferriggi kien inqatel b’tir meta kien qed jiddepożita xi dokumenti tal-bank għall-ħabta tal-5.30 am meta l-aggressuri ħasbu li kien qed jiddepożita flus kontanti.

Joseph Zammit, li qed iservi sentenza ta’ 30 sena ħabs wara li f’ġuri nstab ħati b’kompliċita fil-qtil, qal quddiem il-maġistrat Josette Demicoli li hu ma kienx jaf lill-persuna li nqatlet.

Zammit saħaq li huwa sewwieq u tenna li dakinhar tal-omiċidju xi persuni kienu marru għalih iżda huwa argumenta magħhom peress li ma riedx imur magħhom. Wieħed minn dawn il-persuni hu Richard Grech li jinsab il-ħabs filwaqt li Żammit għaraf lil Chris Scerri u lil James Vella bħala ż-żewġ persuni l-oħra.

Zammit qal li huwa wassal lil dawn il-persuni San Gwann u mbaghad telaq. Wara l-oħrajn użaw karozza oħra.

Matul il-kumpilazzjoni xehed ukoll l-Ispettur Arnaud li qal li wara s-sena 2011 il-Pulizija bdiet tanalizza dan il-każ. Fl-2011 Richard Grech u Joseph Zammit kienu xehdu fil-Qorti u semmew lil James Vella u lil Chris Scerri bħala l-persuni invoulti. L-Ispettur Arnaud qal li l-Pulizija rċeviet informazzjoni kunfidenzjali li tgħid li l-akkużati kienu involuti.

Scerri u Vella qed jiġu mixlijin ukoll li serqu dokumenti għad-dannu tal-Bank of Valletta, li żammew lil Ferriġġi kontra l-volonta tiegħu, li sparaw l-arma f’distanza ta’ 200 metru f’post abitat, li kellhom arma mingħajr permess u liċenzja tal-Pulizija, li wettqu dannu fuq karozza tal-BOV u li serqu karozza Wolkswagen Golf. Il-kaz ikompli fit-28 ta’ Lulju li ġej.