Lokali Parlament

Appell għar-rispett tad-demokrazija b’dibattitu politiku ċivili u serju

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella għar-rispett ta’ dak li hu bażiku f’demokrazija moderna u biex id-dibattitu politiku jkun ċivili u serju waqt l-aġġornament tiegħu fis-seduta tal-Ħamis filgħaxija wara li l-Parlament kompla jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta.

Simon Busuttil qal li qed ikollu jagħmel dan l-appell għaliex fl-aħħar jiem il-Gvern mexa b’aġir li jmur kontra l-prinċipji tad-demokrazija u liberta’ vera li għandu jħaddan pajjiżna. Hu qal li din hi attitudni riskjuża u perikoluża li ddardar l-atmosfera politika. Hu semma’ kif fl-aħħar jiem kellna gideb, ħabi ta’ kuntratti pubbliċi, intolleranza għall-kritika u tgħajjir li mhux xieraq f’pajjiż ċivili … u dan kollu f’temp ta’ ġimgħa.

L-iktar eżempju ta’ dan li spikka matul din il-ġimgħa, qal Simon Busuttil hu l-gideb dwar kemm titħallas il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Simon busuttil qal li hu normali li l-Gvern u l-Oppożizzjoni ma jaqblux fuq xi ħatriet li jsiru. Madankollu l-każ tal-mara tal-Ministru Mizzi hu każ differenti propju għaliex hi l-mara tal-Ministru. Dan ma jsir imkien serju u nadif, saħaq Simon Busuttil, filwaqt li kompla li mhux normali lanqas li jkun hemm ħabi tal-kuntratt tagħha mill-Gvern meta din qed titħallas propju mill-fondi tal-pajjiż u mit-taxxi tal-poplu.

Simon Busuttil fakkar kif il-Prim Ministru joseph Muscat stess ammetta li ttratta dan il-każ b’mod ħażin, imma fl-istess ħin gideb emta qal li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi taqla biss €3,700 fix-xahar. Din hi gidba għaliex kemm il-Partit Nazzjonalista, il-media indipendenti u fuq kollox il-kuntratt impoġġi fuq il-mejda tal-kamra mill-Prim Ministru stess juri juri li l-mara tal-Ministru titħallas 73,000 ewro fis-sena, jiġifieri d-doppju ta’ li qal il-Prim Ministru fix-xahar u għandha pakkett ta’ 13,000 fix-xahar – ħaġa li l-Prim Ministru kien ċaħad. U mhux talli ċaħadha talli pprova jirridikola lill-Kap tal-Oppożizzjoni u jipprova jgiddbu meta kien qed jgħid il-verita’.

Simon Busuttil fakkar kif anke l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi gidbet, imma li jigdeb Prim Ministru hi xi ħaġa iktar serja, xi ħaġa li ħabba fiha, minħabba f’gidba, Presidenti ta’ pajjiżi, fosthom dak Amerikan Richard Nixon tefa’ r-riżenja tiegħu. “Imma dan il-gvern ma jerfax ir-responsabbilta’ tiegħu,” kompla Simon Busuttil. Il-kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar l-intolleranza tal-Gvern għall-kritika. Simon Busuttil qal li l-intolleranza għall-kritika hi iktar gravi u tmur ferm ‘l hinn mill-kontroversja normali. Hu spjega li dan il-Gvern, jekk tikkritikah jgħidlek li int negattiv. “Imma li tikkritika dak li hu ħażin mhix xi ħaġa ħażina, anzi hi xi ħaġa tajba u meħtieġa fid-demokrazija,” saħaq Simon Busuttil filwaqt li kompla li min ikun intolleranti għall-kritika jkun tilef l-argument għaliex il-kritika tiġi ribattuta b’dibattitu ċivili.

Simon Busuttil kompla li hu inaċċettabbli f’demokrazija li l-Gvern jippretendi li ħadd ma jikkritikah għaliex dan iwassal għal sitwazzjoni bħal f’Qorti b’imħallfin tiegħek stess.
Punt ieħor li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni hi n-nuqqas tat-trasparenza fil-privatizzazzjoni tal-Enemalta; xi ħaġa essenzjali bħall-elettriku li qed tiġi privatizzata bil-gvern jaħbi l-ħin kollu dwar kontroversja daqshekk kbira u b’hekk qed imur kontra kull idea ta’ trasperanza.

Simon Busuttil qal li f’dan il-każ, in-negozjati nżammu moħbija, l-iffirmar tal-kuntratti huma moħbija u l-Gvern jibqa’ jinsisti fuq ħabi ta’ diversi kuntratti. Staqsa kif tista’ l-Oppożizzjoni tiddibatti l-privatezza tal-Enemalta mingħajr ma’ ngħata informazzjoni. Staqsi kif il-President jista’ jaqdi r-rwol tiegħu u jgħarbel il-ħidma tal-Gvern mingħajr aċċess għall-informazzjoni sħiħa.

Il-liġi tal-finanzjament tal-partiti kienet kwistjoni oħra li tkellem dwarha l-Kap tal-oppożizzjoni li fakkar li din hu liġi li tolqot il-funzjonament tad-demokrazija għax il-partiti huma għodda essenzjali f’demokrazija. “Mingħajr il-partiti f’demokrazija tispiċċa b’awtokrazija, dittatorjal,” wissa’ Simon Busuttil.

Simon Busuttil fakkar li l-Oppożizzjoni qablet ma’ din il-liġi u marret pass oltre’ meta appellat biex tiġi diskussa wkll il-kwistjoni tal-finanzjament tal-Gvern lill-partiti. Imma issa l-gvern bidel l-opinjoni tiegħu u m’għadux jaqbel li ssir din id-diskussjoni. Dan iwassal għal sitwazzjoni li l-Partit Laburista se jgawdi proprjeta’ pubblika li ta lilu nnifsu fuq ħafna snin, l-aktar ricenti, l-Australia Hall f’Pembroke, filwaqt li l-partiti l-oħra kollha se jagħmillhom limiti fuq x’jistgħu idaħħlu. U wara li jkun ħaxxen butu bi proprjeta pubblika, kompla Simon Busuttil, “il-Partit Laburista jgħid lill-Partit Nazzjonalista x’tippretendi, li t-taxpayer għandu jħallas għad-dejn tiegħek?” Le ma nippretendix dan. Li nippretendi huwa li jkun hemm level playing field; ekwita; sena ta’ fairness u mhux li l-Partit Laburista jagħti preferenza lilu nnifsu, u jipprova joħnoq lill-avversarji tiegħu,” saħaq Simon Busuttil.

Hu ndirizza wkoll il-kontroversja dwar l-istituzzjonijiet indipendenti fid-dawl tal-ħatra ta’ Wenzu mintoff bħala Mħallef. Filwaqt li ppreċiża li l-kummenti tiegħu mhux indirizzati għal Wenzu Mintoff bħala persuna, Simon busuttil qal li ħadd qabel ma kien inħatar mill-miskja politika partiġġjana u mill-mezzi tax-xandir u l-istampa ta’ partit politiku dritt għall-bank tal-ġudikatura. “Dan isegwi l-attakk tal-Gvern fuq istituzzjoni indipendenti oħra, l-Ombudsman. U dan wara takeover komplet u partiġġjan tal-istituzzjonijiet li għandhom il-forza fiżika f’idejhom fil-pajjiż, l-Armata u l-Pulizija,” saħaq Simon Busuttil.

Hu tkellem hukoll dwar ir-raġunament tal-Gvern li kull meta l-Oppożizzjoni ssemma’ leħinha, il-Gvern jaqbeż jgħid li fil-passat hekk ġara. “Dan x’raġunament hu,” saħaq Simon Busuttil li kompla li “xi ħaġa li kienet ħażina u kkritikata qabel ma ssirx tajba issa.” Dan filwaqt li fakkar li l-gvern tela’ bil-wegħda li jbiddel dak li kien isir qabel.

Punt ieħor li qajjem Simon Busuttil hu li l-Gvern se jneħħi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali sa ħames snin oħra hekk kif l-Oppożizzjoni ngħatat avviż li se tinbidel il-liġi tal-Kunsilli Lokali bla ebda ddettalji jew informazzjoni.

Simon Busuttil qal li dan ifisser li, minkejja li l-Gvern ftaħar li ta d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena, dawn se jkollhom jistennew sa’ 21 sena biex jivvutaw. Simon Busuttil qal li “dan il-Gvern qed ineħħi d-dritt li wieħed joħroġ jivvota, jagħżel lin-nies li jmexxi l-lokalita’, ibiddel lil min iħoss li għandu jinbidel u jitkellem bil-vot tiegħu. Simon Busuttil qal li dan hu aġir bħalma jsir f’dittatorjat Afrikan.

Fi tmiem l-aġġornament tiegħu, Simon Busuttil iddeskriva dawn il-fatturi bħala punti li jinkwetaw lill-Oppożizzjoni għaliex dawn m’humiex kontroversji normali. Għalhekk appella lill-Gvern biex jirrispetta dak li hu bażiku f’demokrazija moderna u appella lill-poplu Malti u Għawdxi biex janalizza dak li qed jiġri madwaru.

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni, f’isem l-Oppożizzjoni, esprima d-dispjaċir u s-solidarjeta’ tiegħu għall-vittmi tal-kraxx tal-ajruplan ċivili li twaqqa’ fl-Ukrajna. Kien hawn li s-sedja ngħaqdet f’minuta silenzju b’rispett lejn il-vittmi.