Edukazzjoni Knisja

Applikazzjonijiet għal xi postijiet vakanati fi skejjel tal-Knisja

Ser jintlaqgħu applikazzjonijiet għal sitt postijiet għas-subien fis-sitt sena primarja f’xi skejjel tal-Knisja. L-applikazzjonijiet isiru nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Lulju 2014, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, bejn id-9.00 ta’ filgħodu u nofsinhar.

Matul ix-xhur li għaddew ġew irreġistrati l-istudenti subien li applikaw għad-dħul fis-sitt sena tal-primarja. Xi wħud minnhom kienu fi skola tal-knisja u għażlu skola tal-Knisja oħra. Minn dan il-proċess irriżulta li baqa’ dawn il-postijiet vakanti f’dawn l-iskejjel: St. Francis Msida (3 postijiet) u Teresa Nuzzo il-Marsa (3 postijiet). Jista’ jkun li l’quddiem ikun hemm ukoll xi postijiet vakanti fil-Kulleġġ ta’ Santu Wistin (St. Augustine’s College) jew f’xi skola tal-Knisja oħra. F’dan il-każ tintuża l-proċedura tal-Formola tal-Preferenza skont ir-Regolamenti tad-Dħul fost dawk li japplikaw.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu skont dawn il-kriterji: Studenti skont l-ewwel kriterju jiġifieri tad-Djar tal-Knisja, aħwa, ulied ta’ impjegati fi skola tal-Knisja u transfers, u skont it-tielet kriterju applikati oħra. L-applikanti għas-sitt sena primarja jridu jkunu twieldu fis-sena 2004. Min ser japplika għandu jippreżenta dawn id-dokumenti: Il-Kattoliċi jippreżentaw ċertifikat tal-Magħmudija (oriġinali, u mhux fotokopja); ċertifikat tat-twelid (tal-Insinwa) tat-tifel (oriġinali u mhux fotokopja); tintwera l-Karta tal-Identita’ ta’ missier jew omm it-tifel (m’hemmx bżonn ta’ fotokopja); ritratt tat-tifel (daqs ta’ passaport). Jekk il-ġenituri huma separti jeħtieġ id-dokument riċenti li jindika l-kustodja tat-tifel. Il-ħlas għall-applikazzjonijiet huwa ta’ €14. Aktar dettalji fir-Regolament tad-Dħul li jinsabu fuq il-websajt: www.thechurchinmalta.org .

Dan il-proċess ser jitmexxa skont ir-Regolamenti tad-Dħul. Il-polza tal-applikanti ser issir nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Lulju 2014, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana. Il-polza tibda fis-1.00pm. Immedjatament wara ssir ir-reġistrazzjoni tat-tfal, għaldaqstant huwa importanti li l-ġenituri jkunu preżenti għall-polza.

F’kaz ta’ diffikulta’ wieħed jista’ jċempel fuq 27790077 – 27790660