Internazzjonali

AĠĠORNAMENT NUMRU 4: Jiġġarraf ajruplan tal-linja tal-ajru tal-Malaysia Airlines

Ajruplan tal-Malaysian Airlines li kien qed iġorr 295 persuna ġġarraf qrib ta’ Donetsk, fl-Ukrajna, u qrib il-fruntiera mar-Russja, waqt titjira minn Amsterdam lejn Kuala Lumpur, fil-Malasja.
L-ewwel stqarrijiet tal-konsulenti qrib il-Ministeru tal-Intern Ukren qalu li ma salva ħadd fost in-nies fuq l-ajruplan u b’kelliema għal Malaysia Airlines isostnu li kienu tilfu l-kuntatt mal-ajruplan – tat-tip Boeing 777 – waqt il-vjaġġ minn Amsterdam.

Dan meta l-aħħar pożizzjoni magħrufa tal-ajruplan kienet fuq l-inħawi tal-Lvant tal-Ukrajna, bis-sorsi Russi fil-qasam tal-avjazzjoni jgħidu li l-Boeing ‘instab jaqbad fl-art’ fl-imsemmi reġjun u wara li ma laħaqx daħal fl-ispazju tal-ajru tar-Russja.

Intant, ħarġu wkoll l-allegazzjonijiet li l-Boeing 777 – li kellu fuqu 280 passiġġier u ekwipaġġ ta’ ħmistax – kien twaqqa’ mill-isparar.

Fil-fatt, Anton Herashchenko, konsulent għall-Ministeru tal-Intern Ukren, kien ikkwotat mill-aġenziji tal-aħbarijiet li ‘l-ajruplan intlaqat minn missila tat-tip surface-to-air’ waqt li kien qed itir f’għoli ta’ 10,000 metru. L-esperti dwar id-difiża qalu, intant, li biex dan isir tkun trid tintuża speċi ta’ missila li twassal fuq distanzi kbar u li, probabbilment, tkun iggwidata b’sistema ta’ radar.

Fl-aħħar ġimgħat twaqqgħu numru t’ajruplani militari li ntlaqtu bil-missili fuq ir-reġjuni tal-Ukrajna lejn il-Lvant – fejn il-militanti separatisti li jridu l-għaqda mar-Russja qed jiġġieldu l-battalji kontinwi mal-qawwiet tal-Gvern tal-Ukrajna.

Sadanittant, l-istampa tar-Russja kkwotat il-kummenti tal-Ministeru tad-Difiża f’Moska li fisser l-akkużi fis-sens li ‘l-Boeing kien twaqqa’ mir-Russi’ bħala assurdi u redikoli. Ir-Russja anki ċaħdet ir-rapporti li kellha x’taqsam mal-attakk li kien seħħ qabel fuq ajruplan tal-qawwiet tal-ajru Ukreni li spiċċa meqrud ftit tal-kilometri ‘l bogħod mit-tiġrif tal-Boeing.

Filwaqt li l-Kremlin ta’ Moska qed jrrifjuta kwalunkwe sehem jew responsabbilta għall-aħħar traġedja li messet lill-Malaysia Airlines, qamu diversi domandi għalfejn l-ajruplani kummerċjali għadhom sallum qed itiru minn zona fejn għaddej il-ġlied intensiv għall-kontroll ta’ territorju fil-Lvant tal-Ukrajna.

Dan meta l-Malaysia Airlines għadha sallum mheżża bid-destin misterjuż ta’ ajruplan ieħor tal-passiġġieri li, f’Marzu li għadda, sparixxa bil-239 persuni ta’ fuqu waqt titjira minn Kuala Lumpur lejn iċ-Ċina.

Il-Prim Ministru tal-Malasja, Najib Razak, ilbieraħ qal li kellha tibda investigazzjoni immedjata dwar il-kaġun tat-tiġrif tal-Boeing, li, skont ir-rapporti, niżel bejn l-inħawi ta’ Krasni Luch, fir-reġjun ta’ Luhansk u Shakhtarsk, fir-reġjun ta’ Donetsk.

Min-naħa tiegħu, l-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko rrefera għat-twaqqigħ ta’ ajruplani militari Ukreni ‘mit-territorju tar-Russi’ filwaqt li għamilha ċara li ‘l-qawwiet Ukreni fl-ebda ħin ma ippruvaw iwaqqgħu xi inġenji tal-ajru’.

Il-Viċi President tal-Istati Uniti ġie kwotat li qal li hu offra assistenza biex jiġi skopert eżatt x’ġara u xi kkawża li l-ajruplan jiġġarraf. L-International Air Transport Association qalet li l-ajruplan deher li kien sejjer fid-direzzjoni pjanata u li s’issa ma jidher xejn li dan l-ajruplan kiser xi restrizzjonijiet.

S’issa mill-anqas 100 kadavru nstabu fit-tiġrif tal- Boeing 777 Ftit ilu kien hemm ftehim bejn il-linji tal-airline li f’dik iż-żona mhux se jitħalew jitgħajru aktar ajruplani.

Skont l-aħħar sorsi il-Viċi President tal-Istati Uniti Joe Biden ġie kwotat li qal li hu offra assistenza biex jiġi skopert eżatt x’ġara u xi kkawża li l-ajruplan jiġġarraf. L-International Air Transport Association qalet li l-ajruplan deher li kien sejjer fid-direzzjoni pjanata u li s’issa ma jidher xejn li dan l-ajruplan kiser xi restrizzjonijiet.