Lokali

Charles Mangion jiddefendi l-ħatra ta’ Wenzu Mintoff bħala Mħallef

“Allaħares niġu fi stat li jekk ikollok opinjoni politika ma tistax tingħata kariga”

Waqt li kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar il-ligi tal-Enemalta fil-Parlament, id-Deputat Laburista Charles Mangion beda l-intervent tiegħu billi ddefenda l-ħatra tal-eks President tal-Partit Laburista u editur tal-gazzetta Laburista KullĦadd Wenzu Mintoff bħala Imħallef.

Mangion feraħ lil Mintoff għal din il-ħatra u qal li ddispjaċieh li kien attakkat mill-media qabel lanqas biss beda l-ħidma tiegħu. Charles Mangion qal li filwaqt li l-media għandha kull dritt tagħmel osservazzjonijiet u kritika, din għandha tkun fuq il-ħidma tiegħu u mhux fuq l-opinjoni politika tiegħu.

“Allaħares niġu fi stat li jekk ikollok opinjoni politika, ma tista tingħata kariga,” tenna Mangion.

Wenzu Mintoff ingħata l-ġurament tal-ħatra dalgħodu fl-isfond ta’ kritika minn media indipendenti dwar din il-ħatra ta’ persuna meqjusa bħala “partiġġjana għall-aħħar” u b’dubji serji dwar kemm hu eliġibbli għal din il-kariga minħabba li ilu ħafna snin ma’ jagħmel xogħol ta’ avukat fil-Qorti. Il-Kostituzzjoni titlob li Mħallef irid ikun ħadem bħala Avukat jew Maġistrat għal mill-inqas 12-il sena fil-Qrati Maltin.