Ċifri li għadhom kemm ħarġu mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, iqanqlu inkwiet dwar il-produzzjoni industrijali f’Malta, dak li jipproduċu l-fabbriki fl-industrija tagħna. Il-Eurostat joħroġ daċ-ċifri għall-pajjiżi kollha Ewropej.
Malta tnaqqas il-produzzjoni industrijali fl-istess linja tal-Greċja u Ċipru.
Jekk tqabbel ma’ erba’ snin ilu, il-fabbriki Maltin qed jipproduċu 9 fil-mija anqas illum milli kienu jipproduċu fl-2010. Din il-waqgħa tpoġġi lil Malta ma’ tal-aħħar fl-Unjoni Ewropea. Ċipru u l-Greċja biss sofrew waqgħa akbar minna.
Sa sena ilu konna sejrin tajjeb; il-waqgħa seħħet kollha fl-aħħar sena
Dak li hu inkwetanti aktar hu li l-waqgħa li sofrejna fil-produzzjoni tal-fabbriki tagħna sofrejnieha kollha f’din l-aħħar sena. Sa sena ilu, il-produzzjoni industrijali f’Malta kienet ogħla milli kienet tliet snin qabel; ogħla b’4 fil-mija.
Waqgħa qawwija ta’ 12 fil-mija fl-aħħar sena
Issa, iċ-ċifri tal-Unjoni Ewropea juru li l-produzzjoni fil-fabbriki Maltin fl-aħħar sena waqgħet f’daqqa bi 12 fil-mija, l-akbar waqgħa madwar l-Unjoni Ewropea kollha fl-aħħar sena u l-akbar waqgħa b’biċċa sew.
Kuntrast doppju mal-bqija tal-Ewropa
Dawn iċ-ċifri huma ta’ inkwiet għax juru li l-produzzjoni fil-fabbriki tagħna kienet għaddejja tajjeb ħafna sa sena ilu imma issa naqset sew, waqt li fil-bqija tal-Ewropa kienet sejra ħażin sa sena ilu imma fl-aħħar sena żdiedet; kuntrast doppju.
Bżonn ta’ industrija moderna u produttiva li tkun kapaċi tikkompeti
F’Malta għandna bżonn industrija moderna u produttiva li tkun kapaċi tikkompeti. Il-pajjiżi li għaddew minn problemi kbar mill-2008 kellhom jagħmlu riformi li fis-snin li ġejjin se jagħmluhom kapaċi jikkompetu ferm aktar. Ma nistgħux nikkuntentaw b’dak li kellna sa sena ilu, speċjalment issa li nafu kemm naqqasna fl-aħħar sena.
Viżjoni fit-tul għall-industriji li jridu joħolqu x-xogħol
Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem kellhom viżjoni fit-tul tal-industriji ġodda li riedu jattiraw lejn Malta u allura tal-infrastruttura fiżika li riedu jibnu, tal-liġijiet li riedu jibdlu, tal-inċentivi li riedu jagħtu, tal-korsijiet li riedu jagħtu liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema biex dawn l-industriji ġodda jiġu lejn Malta u joħolqu xogħol tajjeb.
Viżjoni li ġabet ix-xogħol taħt Gvern Nazzjonalista
U industriji ġodda ġew u llum qed ingawdu l-frott tal-viżjoni tal-Gvern Nazzjonalista fl-informatika, fis-servizzi finanzjarji, fil-qasam tal-avjazzjoni, f’dak marittimu, fil-fabbriki tal-farmaċewtika, f’niċeċ ġodda tat-turiżmu, fil-bijoteknoloġija.
Gvern Laburista għadu ma ta l-ebda direzzjoni lill-ekonomija
Importanti li dan ikompli. Sfortunatament, imma, dal-Gvern għadu ma ta l-ebda viżjoni lill-ekonomija, ħlief dik li sab. U bla direzzjoni, qed naraw il-produzzjoni tonqos bil-qawwi kontra x-xejra barra u b’mod li jitfagħna ma’ tal-aħħar fl-Ewropa.