Editorjal

Editorjal: Skandlu Jikber

Issa qed jidher aktar ċar li ż-żjara li l-Prim Ministru għamel fiċ-Ċina kellha l-iskop prinċipali li Joseph Muscat jirriabilita lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Imma dan mhux talli ma rnexxilux, talli l-Prim Ministru spiċċa jigdeb bħas-Sinjura Mizzi.

X’se nesportaw lejn iċ-Ċina?
Il-ftehim li l-Prim Ministru Muscat iffirma fiċ-Ċina ma fih xejn dwar l-aktar ħaġa kruċjali li messu ftiehem maċ-Ċina: xi prodotti Maltin se nbigħu lill-biljun u kwart Ċiniż fiċ-Ċina. Flok il-Prim Ministru mar jiftiehem il-fabbriki u n-negozji Maltin x’se jesportaw lejn iċ-Ċina, mar jgħid liċ-Ċiniżi x’se jtihom minn ħwejjiġna hawnhekk.

Intervisti ħalli mart Konrad Mizzi toqgħod titbekka
Apparti l-ippuppar u l-bombastiċità tas-soltu tal-Prim Ministru, lill-ġurnalisti li ħa miegħu ra kif għamel biex joqogħdu jintervistaw lill-mara ta’ Konrad Mizzi flok lill-Ambaxxatur li Muscat stess għamel fiċ-Ċina, Clifford Borg Marks. U flok Muscat qalilha biex tgħidilhom x’se nesportaw lejn is-suq tant kbir taċ-Ċina, qalilha biex toqgħod titbekka fuq il-flejjes li qed titħallas, ħa jidhru ftit.

Is-Sinjura Mizzi gidbet lill-ġurnalisti
Issa, mill-kuntratt, nafu li mart Konrad Mizzi gidbet, u b’mod sfaċċat. Lill-ġurnalisti vvintatilhom ċifra li hi n-nofs biss tal-paga pura. U apparti l-paga, ħbitilhom li t-taxpayer qed iħallsilha kważi kollox, ħlief il-lożor u l-imħaded; pakkett ta’ flejjes ta’ 13,000 ewro fix-xahar kif ikkonfermat it-Times ilbieraħ b’kalkolu dettaljat ħafna.

Ma tħallasx it-taxxa kollha dovuta
L-Independent tal-bieraħ, min-naħa tagħha, ħarġet ukoll kif il-mara tal-Ministru qed tieħu aktar minn Ambaxxatur meta hi mhix ambaxxatur, u hekk jew hekk ambaxxatur iċ-Ċina hemm. U l-Prim Ministru qed iħalliha tħallas it-taxxa fuq nofs il-paga biss.

Inti tħallas għall-mara tal-Ministru
Mela inti tħallas minn flusek lill-mara ta’ Konrad Mizzi bit-taxxi li inti tħallas sal-anqas ewro qabel ma biss taqbad il-paga, imma l-mara tal-Ministru lanqas biss tħallas it-taxxa kollha dovuta fuq il-pakkett favoluż tagħha ta’ nofs miljun ewro fuq tliet snin.

Bħal f’pajjiżi dittatorjali u korrotti
Ħaġa li ssir biss f’pajjiżi dittatorjali u korrotti bin-nisa tal-mexxejja jaħtfu. Mara ta’ Ministru li ma tħallasx it-taxxa bħal ħaddieħor. Taparsi ambaxxatur meta ambaxxatur hemm ieħor. Prim Ministru li jiddefendi dan l-iskandlu f’seduta sħiħa fil-Parlament.

Il-Prim Ministru jigdeb bħas-Sinjura Mizzi
U l-agħar, il-gideb. Prim Ministru li jagħti nofs miljun ewro lill-mara ta’ Ministru tiegħu u li mbagħad jipprova jitmejjel bin-nies billi jorganizza l-intervisti li fihom il-mara tal-Ministru tigdeb lill-ġurnalisti u mbagħad il-Prim Ministru stess jigdeb ukoll.

L-iskandu jikber
Dan l-iskandlu ma raqadx biż-żjara u bl-intervisti maħdumin, anzi kiber.