Sorsi jgħidu li m’hemmx rispons qawwi mill-għalliema
‘Il fuq minn 700 student u studenta applikaw għal-lezzjonijiet li l-Gvern qed joffri b’xejn bi tħejjija għar-resits tas-SEC ta’ din is-sena. L-ikbar domanda kienet għas-suġġett tal-Matematika. Dawn il-lezzjonijiet mistennija li jibdew fit-28 ta’ Lulju u jibqgħu sejrin sat-30 ta’ Awwissu.
Iżda informazzjoni li ghandu dan l-istazzjon, jidher illi qed tkun biċċa xogħol iebsa għall-gvern biex isib l-għalliema għal dawn il-korsijiet li l-gvern tant irreklamhom b’pompa kbira. Dan għaliex jidher li ma kienx hemm rispons qawwi min-naħa tal-għalliema.
Filfatt, sorsi li tkellmu magħna qalu li fl-aħħar jiem numru ta’ għalliema reġgħu rċievu email mingħand id-direttur tar-Rizorżi Umani fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Joseph Micallef, sabiex jekk huma interessati japplikaw.
F’din l-inizjattiva studenti li m’għaddewx jew ma għamlux l-eżami f’Mejju, jistgħu jattendu dawn il-lezzjonijiet mingħajr hlas, fejn se jingħataw taħriġ intensiv għar-resits li jsiru f’Settembru.
Iżda dawn l-istess sorsi huma mħassba u qed jittamaw li din l-inizjattiva tirnexxi u ma jirrepetix ruħu l-fjask kbir kif sar f’dawn l-aħħar ġimgħat fl-iskola Sajf u Klabb 3-16.
Skola Sajf fetħet madwar ġimgħa tard. Filfatt il-Gvern kien kosrett jieħu din id-deċiżjoni wara s-sitwazzjoni diżastruża li ħoloq hu stess b’nuqqas ta’ riżorsi umani. Pressjoni biex Skola Sajf ma tinfetaħx kienet saret mill-union tal-għalliema, l-MUT, għaliex il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi ma’ żammx mar-regolamenti, xi ħaġa li wasslet għal kaos kbir ftit siegħat qabel dak li kellu jkun il-ftuħ ta’ Skola Sajf.
//= $special ?>