Qorti

Ħames xhur ħabs wara li forna d-droga fil-ħabs

Fabian Sciriha ta’ 29 sena mill-Mosta kien ikkundannat ħames xhur ħabs mill-Maġistrat Natasha Galea wara li nstab ħati li fil-11 ta’ Diċembru 2008 ttraffika d-droga eroina waqt li kien il-ħabs.

Sciriha li ammetta l-akkuża, ammetta wkoll li kien fil-pusses ta’ l-istess droga u li din ma kienitx għall-użu personali tiegħu u li bħala persuna li mhuwiex uffiċjal tal-ħabs, ipprova jħdaħall f’xi parti tal-parti tal-konfini tal-ħabs oġġett li huwa pprojbit.

Huwa nstab ħati wkoll li sar reċidiv b’diversi sentenzi li saru definittivi. Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-kondotta ta’ Sciriha hija waħda kkulurita’ u kienet tikkonsisti fiż-żmien tar-reat, fi 17-il faċċata.

Fil-fatt huwa kien instab ħati ta’ diversi reati fosthom serq, kemm sempliċi kif ukoll aggravat, korruzzjoni ta’ minorenni, pusses sempliċi ta’ droga u sekwestru llegali ta’ persuna.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset ukoll il-fatt li mix-xhieda prodotta f’dan il-każ, jidher li l-ammont ta’ eroina misjuba fuqu kienet waħda żgħira, tant li nstab qartas wieħed. Kien ikkunsidrat ukoll li Sciriha ikkommetta r-reat meta huwa kien priġunier fil-Faċilita’ Korrettiva’ ta’ Kordin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Spiridione Zammit.