Sport

Hibernians Futsal jirtiraw mil-kampjonat 2014/15

Hibernians Futsal iddikjaraw li mhux se jieħdu sehem fil-kampjonat 2014/15.

Fi stqarrija maħruġa mill-kumitat tal-klabb intqal li “l-mod kif bdiet titmexxa l-Assoċjazzjoni tal-Futsal f’Malta f’dawn l-aħħar xhur kisser dak kollu li t-tim tal-Hibernians FC Futsal kien qed jibni għal-logħba tal-Futsal.”

L-amministrazzjoni ta’ Hibernians FC Futsal ħabbret li “ma tistax tifhem kif il-President attwali tal-FMA, li kien jokkupa l-kariga ta’ Viċi President, irriżenja wara d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell li taw raġun lil Hibernians FC Futsal u wara xahar reġa’ kkontesta għall-kariga ta’ President.”

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi u sitwazzjonijiet li nħolqu, Hibernians ħabbru li “jkun ‘unfair’ mal-plejers, mal-kowċ, mas-supporters u kull min jgħin lill-klabb li waqt din l-attitudni li għaddejja aħna nkomplu nipparteċipaw bit-team għall-kompetizzjonijiet organizzati mill-FMA.”