Il-Ġermanja jitilgħu l-ewwel fir-rankings tal-FIFA
Bir-rebħ tar-raba’ titlu mondjali, il-Ġermanja telgħu jokkupaw l-ewwel post tar-rankings tal-FIFA. Nhar il-Ħadd li għadda l-:ermanja għelbu lill-Arġentina fil-finali tat-Tazza tad-Dinja li saret fil-Brażil. Din hi l-ewwel darba f’dawn l-aħħar 20 sena li l-Ġermanja qed jokkupaw l-ewwel post ta’ dawn ir-rankings.
L-Arġentina, li qabel it-turnament kienu fil-ħames post avanzaw tliet pożizzjonijiet u issa qegħdin fit-tieni post b’1606 punt, 118-il punt taħt il-liders.
L-Olanda, li spiċċaw fit-tielet post fit-Tazza tad-Dinja avanzaw 12-il pożizzjoni u issa qegħdin fit-tielet post. Spanja, li kienu ċ-champions tad-Dinja niżlu seba’ postijiet wara l-wirjiet diżastrużi li kellhom fil-Brażil fejn sfaw eliminati mill-fażi tal-gruppi. Il-Brażil, li spiċċaw fir-raba’ post tal-kompetizzjoni jinsabu fis-seba’ post. Il-Kolombja, wieħed mill-aktar tim li impressjona fit-Tazza tad-Dinja telgħu fir-raba’ post filwaqt li fil-ħames post wieħed isib lill-Belġju. L-Urugwaj avanzaw pożizzjoni u qegħdin fis-sitt post. Franza, tim li ukoll kellu wirjiet pożittivi fit-Tazza tad-Dinja avanzaw seba’ postijiet u issa jinsabu fl-10 post. Minkejja l-wirjiet diżappuntanti li kellhom fit-Tazza tad-Dinja, l-Ġappun baqgħu l-ewwel tim Asjatiku f’dawn ir-rankings hekk kif jinsabu fil-45 pożizzjoni. L-Italja u l-Ingilterra, li kienu fl-istess grupp fit-Tazza tad-Dinja u sfaw eliminati mill-grupp jinsabu fl-14 u fl-20 post rispettivament. Malta, li ma kinitx fl-azzjoni f’Ġunju niżlet 18-il pożizzjoni u issa tinsab fil-150 pożizzjoni b’146 punt. Ir-rankings jerġgħu jiġu aġġornati fl-14 ta’ Awwissu.
L-ewwel 20:
Il-Ġermanja, l-Arġentina, l-Olanda, il-Kolombja, il-Belġju, l-Urugwaj, il-Brażil, Spanja, l-Iżvizzera, Franza, il-Portugall, iċ-Ċili, il-Greċja, l-Italja, l-Istati Uniti, il-Kosta Rika, il-Kroazja, il-Messiku, il-Bożnija, l-Ingilterra


