Lokali

Il-PM jhedded li s-seduti jkompli Matul is-sajf

Battibekk bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-Parlament qabel mal-Kamra aġġornat wara s-seduta tal-Ħamis filgħodu li ddiskutiet l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Enemalta.

Dan hekk kif in-naħa tal-Gvern ried li l-seduta taġġorna għas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar meta dan imur kontra l-Istanding Orders li speċifikament jgħidu li s-seduti wara nofsinhar għandhom isiru fil-ħamsa.

Filfatt il-PM Joseph Muscat b’reazzjoni għal dan hedded li s-seduti jibqghu sejrin f’Awwissu jekk tibqa’ dik li sejhilha bhala ostruzzjoni min-naha tal-Opposizzjoni imma fl-aħħar mill-aħħar ma kellux triq oħra ħlief li jaqbel li s-seduta ssir fil-ħamsa.

Hu qal li jrid li jintlahaq ftehim mal-Oppożizzjoni sabiex il-programm tal-Gvern ikun diskuss qabel il-waqfa għas-sajf iżda fin-nuqqas ta’ dan, is-seduti se jibqgħu ghaddejjin.

Minn naħa tiegħu David Agius qal li la hu u lanqas l-Oppożizzjoni ma ssib problema li s-seduti jkomplu tul is-Sajf imma qal li r-regoli jridu jiġu rispettati u l-Oppożizzjoni tkun ikkonsultata. Qal li hu l-Gvern li għandu għaġġla biex jgħaddi l-abbozzi differenti mingħajr ma’ jagħti ċans lill-kelliema tal-Oppożizzjoni biex iqajjmu t-tħassib tagħhom u tal-poplu.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius ogezzjona wkoll għas-seduta tal-Ħamis filgħaxija li skont l-istanding orders tal-Parlament, din tkun dedikata għal xogħol tal-Oppożizzjoni.

Fid-diskussjoni nnifisha ħareg li l-Gvern ma ta l-ebda garanzija lill-ħaddiema tal-Enemalta li jinsabu fuq roster jew shift li huma se jibqgħu fuq is-sistema’ kif inhuma bħalissa. L-unika garanzija li ħadu dawn il-ħaddiema hi dwar il-paga bażika. Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus waqt id-diskussjoni fil-Parlament.

Callus qal li dan hu fattur li qed jinkwieta lil dawn il-ħaddiema għaliex ir-roster allowance, night shift allowance, u allowances oħra li jieħdu meta jaħdmu fil-festi u meta jaħdmu fil-Ħdud jistgħu jintilfu.

Ryan Callus li minn informazzjoni li għandu, ħaddiem fuq is-shifts jista’ jitlef bejn 400 u 450 ewro fix-xahar – somma li fuq sena titla’ għal 5,400 ewro fi tnaqqis mid-dħul tal-familji. Qal li forsi għal Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi din is-somma ma tidhirx għolja ħafna meta wieħed iqis li martu taqla’ 13,000 ewro fix-xahar.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni kompla li l-ħaddiema huma mħassba wkoll dwar id-distinzjoni bejn l-iskali tal-Gvern u dawk tal-Enemalta u d-differenza li dan se jgib jekk jigu trasferiti. Fid-dawl ta’ dan Ryan Callus staqsa x’se jiġri meta ssir riorganizzazzjoni tal-ħaddiema tal-Enemalta u dawn jitqassmu f’dipartimenti jew impjanti oħra. Qajjem dubji dwar jekk hix se tiġi osservata s-seniority.

Ryan Callus fakkar li l-Enemalta plc ilha mwaqqfa mill-ewwel ta’ Lulju u allura dawn id-diskussjonijiet fil-Parlament kważi jistgħu lanqas isiru għax id-deċiżjoni diġa’ ttieħdet. Dan filwaqt li esprima d-dizżappunt tiegħu għall-fatt li l-Oppożizzjoni saret taf biss ftit sigħat qabel li l-kamra kienet se tiltaqa’ l-ħamis filgħodu u qal li dan hu diżrispett u arroganza mill-Gvern.