Il-Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, Avigdor Lieberman, u l-kelliema għall-grupp (Palestinjan) Hamas tal-militanti Iżlamiċi ċaħdu għal rapporti li ntlaħaq ftehim biex jintemm il-ġlied qalil li ilu għaddej f’Gaza mit-8 ta’ Lulju.
Avigdor qal li ‘ma kenux minnhom’ ir-rapporti preċedenti dwar ftehim komprensiv għal waqfien mill-ġlied bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-militanti u li ingħad kellu jidħol fis-seħħ millum stess. Fl-istess ħin, kien magħruf li l-allegat ‘ftehim’ kien għad m’għandux l-approvazzjoni tal-Kabinett ta’ Iżrael.
Intant, salbieraħ, kienu għadhom għaddejjin il-kuntatti bejn in-naħat interessati fl-Eġittu – li ilu għal dawn l-aħħar jiem iservi ta’ medjatur fin-negozjati bejn ir-rappreżentanti għal Iżrael u l-Hamas.
Fi żviluppi oħra, il-militanti f’Gaza reġgħu ibbumbardjaw l-ibliet ta’ Iżrael man-naħa l-oħra tal-fruntiera u wara li kien osservat waqfien mill-ġlied qasir u temporanju għal skop umanitarju.
Mietu mal-227 Palestinjani b’kaġun tal-attakki mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani fuq Gaza mindu faqqgħet l-aħħar kriżi. Intant, raġel Iżraeljan spiċċa jitlef ħajtu b’konsegwenza tal-isparar kontinwu tal-missili mill-inħawi ta’ Gaza.
Il-qawwiet Iżraeljani bdew l-offensiva fuq il-militanti f’Gaza bil-ħsieb ewlieni li jwaqqfu l-isparaturi kontinwi tar-rockets u l-ballal tal-mortars lejn pajjiżhom.
Madankollu, n-Nazzjonijiet Uniti tinsisti li l-bilanċ tal-mejtin waqt dawn l-ostilitajiet qed ixaqleb bil-kbir fuq in-naħa tal-Palestinjani. Dan minkejja li Iżrael qed jakkuża lill-militanti tal-grupp Hamas b’li qed jaħbu l-infrastruttura militari fost il-popolazzjoni ċivili ta’ Gaza.
Intant, in-NU qalet li sfruttat il-waqfien mill-ġlied temporanju tal-bieraħ biex tiddistribwixxi l-ilma, l-ikel u l-mezzi għall-iġene fl-inħawi li ġarrbu l-agħar vjolenza – u bir-residenti ta’ Gaza jużaw din l-opportunita biex jixtru l-provvisti meħtieġa.
Il-waqfien mill-ġlied li dam għal ħames siegħat kien intalab mill-istess NU u organizzazzjonijiet oħra ta’ fejda, iżda l-miltar Iżraeljan, ilbieraħ, akkuża ‘lit-terroristi f’Gaza’ rigward sparaturi ġodda lejn artu anki waqt il-perijodu stabbilit.
Fl-aħħar siegħat l-Iżrael bdiet l-offensivi tagħha fuq l-art kontra l-militanti islamiċi hekk kif Israel Defense Forces (IDF) qalet li qed tagħmel dan b’risposta għall-attaki bir-rockets mill-Hamas fuq il-bliet Iżraeljani
//= $special ?>

