Ir-raġel responsabbli mill-kamra tan-nar “12th May” ta’ Ħaż-Żebbuġ ġiet immultata €450 wara li nstabet ħatja li ħadet ġewwa dar fl-istess lokalità logħob tan-nar li ma kellux il-liċenzja tal-Pulizija, eżattament stoppini b’dijametru ikbar milli suppost.
Mill-provi rriżulta li l-Pulizija rċeviet rapport li f’dar f’Ħaż-Żebbuġ, li rriżultat kienet ta’ ċertu Carmel Falzon, kien qed jinħażen xi logħob tan-nar.
Il-Pulizija għamlet tfittxija u sabet diversi xogħol tan-nar maħdum imxerrdin mad-dar, inkluż fuq il-bejt, fosthom beraq, stoppini, żbruffaturi, suffarelli, stillel, funtani u musketterija. Mill-investigazzjoni rriżulta li Falzon kellu liċenzja fil-Kategorija B.
B’rabta ma’ dan il-każ ġie mixli fil-Qorti tal-Maġistrati Joseph Calleja, li ta’ 67 sena u li joqgħod San Pawl il-Baħar, u kien akkużat li fit-12 ta’ Mejju 2008, għall-ħabta tat-8.15 p.m., fid-dar tiegħu kellu splussiv meta mhux suppost.
Huwa kien mixli wkoll li daħħal f’Malta splussiv jew żamm fabbrika tan-nar mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, li kellu splussiv mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija u li ġarr porvli jew splussiv bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Mir-rapport li ħejja l-Kaptan Jeffrey Curmi, illum Kap Kmandant tal-Forzi Armati, irriżulta li fuq il-bejt tad-dar instabu lesti biex jinħarqu mhux biss musketterija u stoppini imma anke żbruffaturi u rdieden. Fl-istess rapport irriżulta li l-istoppini kellhom dijametru ta’ 19mm meta suppost ikollhom dijametru ta’ 10mm meta jkunu se jinħarqu minn fuq bejt.
Falzon kien xehed li huwa għandu liċenzja fil-Kategorija B u li kien jaħdem mal-kamra tan-nar li Calleja huwa responsabbli minnha jiġifieri t-12th May. Huwa qal li minn żmien għal żmien meta kienu jmorru jaħarqu n-nar u kien jifdal xi ħaġa kien jeħodha d-dar u ġieli kien jieħu xi affarijiet żgħar mill-kamra tan-nar.
Falzon insista li Calleja ma kienx jaf b’dak li kien qed jiġri u li qatt ma daħal f’daru. Min-naħa tiegħu, l-akkużat ikkonferma li huwa responsabbli mill-kamra tan-nar 12th May li taħdem kemm għall-festa tagħhom kif ukoll għal ħaddieħor.
Huwa qal li n-nar kollu jinħadem fil-kamra tagħhom u ma jippermetti lil ħadd li joħroġ affarijiet mill-kamra jew ma jkunx kollox skont il-liġi. Hu qal li meta jkun se jinbiegħ xi xogħol ma jippermettix nar joħroġ jekk ma jkunx hemm trasport skont il-liġi.
Calleja sostna li dakinhar tal-festa huwa wassal ċertu xogħol għand Falzon għax kellhom il-permess biex jinħaraq xi nar minn fuq il-bejt tal-istess Falzon. Ix-xhud qal li Falzon kien miegħu waqt il-vjaġġ bejn il-kamra tan-nar u d-dar u wara li wassal in-nar sal-garaxx ta’ Falzon dan ma ħallihx jidħol u allura telaq minn fuq il-post. Aktar tard ċempillu s-Segretarju tal-każin tal-banda u qallu biex imur fid-dar ta’ Falzon. Meta mar sab il-Pulizija u l-logœob tan-nar fuq il-bejt.
Huwa qal li ma kienx jaf jekk dak ix-xogħol kienx tal-kamra tagħhom jew le u nsista li lil Falzon qatt ma tah xogħol biex jieħu d-dar ħlief dak li kien ħa filgħodu.
Calleja qal li huwa qatt ma ppermetta lil Falzon biex joħroġ xi nar jew materjal ieħor mill-kamra u qatt ma ssusspetta f’Falzon u għalhekk qatt ma fittixlu fil-karozza kif kellu dritt jagħmel.
Wara li kkunsidrat ix-xhieda kollha, il-Maġistrat Doreen Clarke rrimarkat li m’hemmx kontestazzjoni li fid-dar instab nar lest biex jinħaraq u materjal splussiv bħalma lanqas ma kien kontestat li l-permess maħruġ mill-Kummissarju tal-Pulizija kien ikopri biss il-musketterija u l-istoppini li kellhom jinħarqu minn fuq il-bejt. Hija qalet li ma nġiebet ebda prova li Calleja œa l-materjal splussiv jew nar lest biex jinħaraq fid-dar ta’ Falzon u lanqas ma nġiebet prova li hu kien qed jaħdem in-nar hemm.
Il-Maġistrat Clarke qalet li l-unika prova li tista’ titfa dawl fuq il-każ hija li dak li jgħidu Calleja u Falzon u m’hemmx prova ta’ kemm mill-oġġetti li nstabu ttieħdu mill-kamra tan-nar li tagħha kien responsabbli l-akkużat.
Hija għalhekk ma sabitux ħati li kien jaf li Falzon kien qed jaħdem in-nar fid-dar tiegħu u li dan kien qed jagħmlu b’materjal li ttieħed mill-kamra tan-nar u illiberatu mill-ewwel żewġ akkużi.
Min-naħa l-oħra hija qalet li mhux l-istess jista’ jingħad għat-tielet akkuża, dik li kellu splussiv mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, għax irriżulta li Calleja ħa fid-dar ta’ Falzon musketterija u stoppini biex jinżammu hemm sakemm jinħaraq waqt il-marċ. Il-Qorti qalet ukoll li l-permess li kellu Falzon kien għal musketterija kif ukoll stoppini li kellu jkollhom dijametru ta’ 10mm mhux 19mm kif instabu u għalhekk kellu jinstab ħati tat-tielet akkuża.
“Mill-provi prodotti huwa ċar li l-imputat ma kienx attent biżżejjed għal dak li qed jiġri fil-kamra tan-nar fis-sens li ma kienx qed jagħti każ ta’ x’qed isir mill-materjal li tiegħu kien responsabbli u li ma kienx jeżerċita kontroll adegwat fuq il-persuni li kienu jidħlu fil-kamra tan-nar”.
Fil-piena tagħha, il-Maġistrat Clarke qieset li l-kondotta ta’ Calleja hija kważi nadifa, li huwa qatt ma ġie kkundannat għal reati konnessi max-xogħol tan-nar u li kien qed jinstab ħati għax l-istoppini li kien ħażen għand Falzon kellhom dijametru akbar minn dak li kien liċenzjat biex iżomm u għalhekk il-ħażna ma kinietx koperta bil-liċenzja. Kien għalhekk li ikkundannatu jħallas multa ta’ €450.
//= $special ?>