Lokali

Jitħabru regolamenti ġodda tal-insib

Din il-ġimgħa s-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali irreveda ir-regolamenti tal-insib tal-għasafar sabiex isaħħaħ numru ta’ kontrolli legali li jikkonċernaw din l-attività. L-emendi tar-regolamenti li ser jidħlu fis-seħħ għada il-15 ta’ Lulju 2014, jinkludu definizzjonijiet legali ċari tal-attività tal-insib, l-imnasab, u definizzjonijiet oħra. Dawn l-emendi jimponu restrizzjonijiet fuq l-ammont u d-daqs tal-imnasab, it-tip ta’ apparat li jista’ jintuża, u l-metodu ta’ kif l-insib jista’ jkun permess.

B’reazzjoni għall-aħbar dwar l-istaġun tal-insib għall-isponsuni, BirdLife Malta qalet li l-proposti ta’ xahrejn insib għal seba’ għasafar ma tistax tkun gustifikata.

Nassab bil-liċenzja jista’ jopera f’massimu t’erba’ siti tal-insib kuljum fil-perjodu ta’ xahrejn, u li fihom jista’ jaqbad 10 sponsun fl-istagun kollu. Din hi reidkola għaliex 10 għasafar jistgħu jinqabdu f’ġurnata f’qabda waħda.

Ir-regolamenti jestendu l-protezzjoni legali tax-xagħri ġewwa siti Natura 2000 għal kull abitat li jinsab fl-Iskeda I tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali ġewwa siti Natura 2000, kif ukoll protezzjoni għal żoni oħra ‘l barra mis-siti Natura 2000 li fihom abitati naturali, inkluż f’Żoni ta’ Importanza Ekoloġika u Siti ta’ Importanza Xjentifika skedati bħala Livell 1 u Livell 2. Meħuda flimkien, dawn iż-żoni protetti fejn l-insib huwa jew pprojbit kompletament jew ristrett għal art agrikola reġistrata, jammontaw għal madwar kwart tat-territorju nazzjonali.

Ir-regolamenti jipprojbixxu ukoll mnasab ġodda. Bħalissa għaddej eżerċizzju ta’ reġistrar ta’ mnasab, immexxi mill-Wild Birds Regulation Unit, sabiex jiġi żgurat li jiġu reġistrati biss mnasab li jilqgħu l-kriteriji msemmija hawn fuq. L-insib fuq imnasab li ma ġewx reġistrati mhux ser jitħalla jsir u dawn ir-regolameti ser ikunu strettament infurzati. L-imnasab reġistrati ser jiġu ipplottjati u din l-informazzjoni tintuża għal skop ta’ infurzar.

Wara li evalwa ir-rakomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, kif ukoll il-pariri xjentifiċi, tekniċi u legali, is-Segretarjat Parlamentari se japplika żewġ derogi separati tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi sabiex jiġi permess, taħt kondizzjonijiet strettament sorveljati, l-insib u ż-żamma ta’ seba’ speċi tal-għana, kif ukoll il-Pluviera u l-Malvizz fil-Ħarifa 2014.

L-istaġun tal-insib għall-dawn l-ispeċi ser jiftaħ mill-20 t’Ottubru sal-31 ta’ Diċembru 2014, iz-żewġ dati inklużi. Ser ikunu jistgħu jonsbu biss dawk il-persuni li jkollhom il-liċenzja ġenerali tal-insib, il-liċenzji speċjali assoċjati ma’ dawn iż-żewġ derogi u l-mapep reġistrati mal-Wild Birds Regulation Unit. L-ebda insib ma jista’ jsir fuq mnasab li ma ġewx reġistrati.

Fi stqarrija l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti l-FKNK tilqa’ bi pjaċir l-aħbar li l-Gvern ser japplika deroga mid-Direttiva tal-UE magħrufa bħala tal-“Għasafar” sabiex, għal darb’oħra jippermetti l-insib għall-pluvieri u l-imlievez f’din il-ħarifa, kif ukoll li, wara waqfien ta’ ħames snin, mill-31 Diċembru 2008, ser terġa tiġi applikata deroga biex ikun permess l-insib tradizzjonali għas-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana. Il-FKNK ukoll taprezza li l-Gvern ser jerġa jiftaħ applikazzjonijiet għall-liċenzji ġodda tal-insib, liema applikazzjonijiet ilhom weqfin sa mill-1 ta’ Awwissu 2002, meta kien sar ftehim bejn il-Gvern u l-UE.