Futbol Sport

John Buttigieg jinħatar Direttur Tekniku ta’ Floriana FC Nursery

Floriana FC Nursery ħatru lill-ex coach tat-tim nazzjonali Malti u ex player internazzjonali ta’ Malta u ta’ Floriana FC John Buttigieg bħala Direttur Tekniku. John Buttigieg se jkun responsabbli mid-direzzjoni teknika tan-Nursery ta’ Floriana FC.

Floriana FC Nursery diġá ħatret bħala Head Coach tagħha lill-ex player internazzjonali u ex player ta’ Floriana FC John Holland. B’hekk se tkun qed tissaħħaħ l-istruttura u d-direzzjoni kalċistika tan-nursery tal-klabb.

Fil-passat Buttigieg ta kontribut kbir lill-klabb ta’ Floriana FC bħala player, fejn rebaħ il-Kampjonat u t-Trophy flimkien ma’ unuri oħra.

Dawn iż-żewġ ħatriet ikomplu jsaħħu t-twettiq tax-xogħol u policy ta’ Floriana FC Nursery li kemm jista’ jkun ikollha coaches ta’ livell tekniku għoli u b’valuri sodi essenzjali biex jiġu prodotti players abbli u ta’ karattru sod, kif dejjem ġew prodotti mill-Floriana FC Nursery kemm biex jilgħabu għal Floriana u kif ukoll għal Malta, jew għal klabbs oħrajn, anke fil-qasam internazzjonali.

Il-President ta’ Floriana FC Riccardo Gaucci qal li din il-ħatra saret b’ħidma konġunta bejn Floriana FC u Floriana FC Nursery u se tkun fattur importanti ghall-futur tal-klabb. Gaucci sostna li l-esperjenza ta’ Buttigieg se tkun elementi importanti biex in-nursery ta’ Floriana FC tkompli ittejjeb is-servizzi li toffri lit-tfal li biex dawn jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jieħdu l-futbol bħala karriera. Il-President ta’ Floriana FC qal li l-ħatra ta’ John Buttigieg hi parti importanti mill-istrateġija tal-klabb li jkompli jtejjeb il-bażi tiegħu.

Il-President ta’ Floriana FC Nursery Dr.Hugh Peralta qal illi bil-ħatriet ta’ John Buttigieg, ta’ John Holland u tal-coaching staff kollu , il-Floriana FC Nursery għandha tkompli bix-xogħol tagħha u anki tieħu spinta ‘il quddiem biex tilħaq l-għan prinċipali li tipproduċi players ta’ kwalitá.

Dr. Peralta jemmen li l-esperjenza u l-kapaċitajiet tekniċi ta’ John Buttigieg, ta’ John Holland u l-kumplament tal-istaff tekniku se jagħtu valur miżjud lin-nursery u se jkunu ta’ benefiċċju kbir għat-tfal li jattendu.

Floriana FC Nursery qed tilqa’ applikazzjonijiet minn tfal li twieldu bejn l-1999 u l-2009.

Min hu nteressat jissieħeb man-nursery għandu jżur in-nursery tal-klabb fl-Arena tal-Indipendenza fil-Floriana bejn il-17.00 u s-19.00, jew iċempel fuq 21228391 fl-istess ħinijiet.