Negozjati staġnati bejn il-Gvern u l-UMASA
Aktar ansjetà għall-istudenti li kollox jindika li se jkomplu jistennew aktar għar-riżultati tal-eżamijiet tal-Università u tal-Junior College wara li baqa’ ma ntlaħaqx qbil dwar ftehim kollettiv ġdida bejn il-Union tal-Lecturers tal-Università u l-Junior College, l-UMASA, u l-Gvern. Dan se jfisser ukoll anqas żmien għall-istudju għal dawk l-istudenti li m’għaddewx minn xi eżami u jridu jagħmlu r-resits f’Settembru li ġej.
L-UMASA lbieraħ bagħtet e-mail lil-lecturers li fiha infurmathom li n-negozjati għall-ftehim kollettiv jinsabu staġnati minħabba li l-awtoritajiet tal-Gvern ma bagħtux il-proposti riveduti tagħhom.
Il-union ma rċeviet l-ebda komunikazzjoni uffiċjali sa mid-9 ta’ Lulju. Għalhekk l-UMASA qalet li minħabba li jidher li l-kwistjoni se ttul, iċċirkolat l-informazzjoni permezz ta’ e-mail lill-istaff akkademiku tal-Università li infurmathom li n-negozjati jinsabu staġnati, dwar kif l-aħjar jimxu mad-direttivi, u biex jgħinu biex malli d-direttivi jitneħħew, l-Università u l-Junior College ikomplu bil-ħidma tagħhom.
Dwar ir-riżultati tal-eżamijiet tal-istudenti fl-Università u fil-Junior College li mhumiex fl-aħħar sena, il-Bord ta’ Eżaminaturi jista’ jiltaqa’ biex jiddiskuti u jaqbel dwar ir-riżultati, imma dawn ir-riżultati ma jingħatawx lill-amministrazzjoni.
Dwar ir-resits f’Settembru, id-direttiva hi li jippreparaw il-papers tar-resits issa bi qbil mal-Bord tal-Eżaminaturi biex jekk id-direttivi jieqfu, ikunu jistgħu jingħataw lill-amministrazzjoni.
Sakemm id-direttivi ma jkunux twaqqfu fil-ħin għal-laqgħa tas-Senat ta’ Settembru, programmi ta’ studji ġodda jew mibdula li ma kinux approvati mis-senat, ma jkunux jistgħu jiftħu jew jinbidlu fil-ħin għas-sena akkademika li jmiss.
Il-union fakkret li dawk li mhumiex membri ta’ union, jistgħu jimxu mad-direttivi mingħajr ma jkunu kkastigati.
Jekk persuna li timxi mad-direttivi titpoġġa taħt pressjoni biex tikser id-direttivi, għandha tirrapporta lil union.
Id-direttivi li jinsabu fis-seħħ huma li jinżammu r-riżultati tal-undergradutes li mhumiex fl-aħħar sena tagħhom; il-membri m’għandhomx jattendu laqgħat uffiċjali tal-bordijiet u tad-dipartimenti, fakultajiet, istituti senat u s-sottokumitati.
Id-direttivi jippermettu lill-Bord tal-Eżaminaturi li jiltaqa' b'mod normali imma r-riżultati maqbula m’għandhomx ikunu sottomessi lilL-amministrazzjoni sakemm id-direttivi ma jitwaqqfux. Dan ħlief għal studenti undergarduates li huma fl-aħħar sena.
//= $special ?>