Sorsi mill-qalba tal-Partit Laburista kkonfermaw lil dan l-istazzjon li s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista Marc Vella Bonnici jinsab interessat li jieħu l-kariga’ vakata minn Quinton Scerri bħala s-Sindku tal-kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar.
Iżda oħrajn li jridu jilħqu minfloku qed ipoġġu reżistenza u jġibu l-argumenti li hu ghandu jigi dekadut, jigifieri l-pożizzjoni tiegħu tigi vakata mill-kunsill, għax falla ghax m’attendiex għall-aħħar sitt laqgħat tal-kunsill lokali.
Dan isegwi l-aħbar li żvelajna fl-aħħar jiem, li l-amministrazzjoni Laburista bħalissa għaddejja bil-manuvri tagħha biex is-suċċessur tas-Sindku Quinton Scerri jkun propju Vella Bonnici, li fl-aħħar elezzjoni għall-kunsill lokali ġab biss 256 vot.
Minn eżerċizzju li għamel dan l-istazzjon, Vella Bonnici falla 39% tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali, inkluż l-aħħar sitt laqgħat tal-kunsill minghajr ma’ ta l-ebda raġuni. Dan meta l-kunsillieri Laburisti, ħlief John Pace, iddeċidew li jibbojkottjaw lis-Sindku Quinton Scerri u ma jattendux għal-laqgħat tal-Kunsill Lokali.
In-nuqqas t’attendenza minn Vella Bonnici u l-kunsilliera Laburisti l-oħra, ħlief John Pace li baqa’ jappoġġja lil Quinton Scerri sal-aħħar, wassal biex il-Bord tal-Governanza Lokali fir-rapport tiegħu, li fih ikkundanna kemm lill-Kunsill Lokali, lis-Sindku Quinton Scerri kif ukoll lill-Kunsillieri Laburisti, għal numru ta’ irregolaritajiet kien appella biex jiskatta dan il-mekkaniżmu tal-Liġi biex il-post tagħhom jiġi vakat.
Filfatt il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar kellu jiltaqa’ nhar it-Tnejn li ġej biex jiddeċiedi jekk jiskattax dan il-mekkaniżmu jew le. Madankollu din il-laqgha tal-kunsill jista’ jkun li ma ssirx hekk kif s’issa l-aġenda tal-laqgħa jidher li għad ma ntbagħtitx lill-kunsillieri tal-lokal.
Dan għaliex teżisti oppożizzjoni biex dan il-mekkaniżmu jidħol fis-seħħ u b’hekk, Marc Vella Bonnici jżomm postu fil-Kunsill Lokali u jkun eleġibbli għan-nomina ta’ Sindku.
Intant ir-riżenja tas-Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żabbar waslet għand is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-lokal u ġiet approvata mill-kummissjoni elettorali.
Filfatt jidher li diġa’ nħarġet is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-kandidati li jixtiequ jieħdu posthom fil-kunsill lokali.
//= $special ?>