Qorti fid-distrett ta’ The Hague ddeċidiet li l-Olanda għandha terfa’ parti mir-responsabbiltà b’konnessjoni mal-qtil ta’ madwar 300 raġel u tifel Musulman waqt il-massakru li kien seħħ fi Srebrenica, fil-Bosnja-Herzegovina, matul is-sajf tal-1995.
Madankollu, u skont il-verdett tal-qorti, l-istat tal-Olanda ma nżammx responsabbli għall-maġġoranza tal-imwiet li seħħew fil-jum infami. Dakinhar, madwar 7,000 raġel u tifel Musulman kienu nqatlu taħt idejn il-qawwiet Serbi tal-Bosnja, fi żmien meta l-gwerra f’dik ir-repubblika kienet riesqa lejn it-tmiem.
It-300 raġel u tifel li waqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Olanda kienu jiffurmaw parti minn grupp ta’ 5,000 Bosnijaku li spiċċaw taħt il-protezzjoni tas-suldati Olandiżi li kienu qed iservu mal-qawwiet tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi, fil-bażi ta’ Potocari.
Dan il-każ tressaq mill-qraba tal-vittmi li ngħaqdu taħt l-isem ‘Ommijiet ta’ Srebrenica’ u l-qorti f’The Hague tisħaq li l-qawwiet Olandiżi ta’ Dutchbat, dakinhar, ma għamlux biżżejjed biex jipproteġu lil madwar 300 fost dawk il-Bosnijaċi traġiċi.
Il-qorti stqarret li kieku l-qawwiet ta’ Dutchbat ippermettew li l-Musulmani jibqgħu fil-kumpless, dawn ma kinux jitilfu ħajjithom. Kompliet li l-membri ta’ Dutchbat aġixxew b’mod illegali wara li kkoperaw bid-deportazzjoni ta’ dawn l-irġiel u subien.
Il-qorti temmen li l-Olanda għandha taċċetta ammont ta’ responsabbiltà għal dak li seħħ fi Srebrenica filwaqt li tħallas il-kumpens lill-familji tat-300 vittma. Madankollu, ma nstabx li l-Olanda kellha responsabbiltà għall-kumplament tal-vittmi tal-massakru. Dan meta l-qorti spjegat li ħafna mir-refuġjati rġiel, dak iż-żmien, ma ħarbux lejn il-kumpless tan-NU f’Potocari, iżda minflok ħarbu fid-direzzjoni tal-foresta fil-viċinanzi ta’ Srebrenica.
Filwaqt li d-digriet tal-qorti hu wieħed sinifikanti, il-verdett ifisser ukoll li ħafna mill-qraba tal-vittmi tal-massakru, ikkunsidrat bħala l-agħar fl-Ewropa minn żmien it-Tieni Gwerra – mhumiex se jkunu intitolati għall-kumpens.
//= $special ?>

