L-att li jemenda diversi materji kriminali fil-liġi ta’ pajjiżna fadallu biss il-firma tal-President biex jidħol fis-seħħ.
Dettalji dwar dan l-Att ngħataw mill-Ministru tal-Gustizzja Owen Bonnici li kien akkumpanjat mill-Avukat Ġenerali Peter Grech, mill-Konsulent tal-Gvern Franco Debono u mis-Segretarju Permanenti Paulanne Mamo.
Il-Ministru Bonnici qal li l-oppożizzjoni fi stadju ta’ kumitat kienet kostruttiva u rringrazzjahha talli għaddiet ukoll numru ta’ proposti mportanti li numru minnhom ġew implimentati. Dan minbarra li l-Oppożizzjoni vvutat favur il-maġġoranza tal-emendi proposti.
Fost l-emendi prinċipali li se jidħlu fis-seħħ b’dan l-att hemm sistema’ kriminali ġdida tal-IT li se tiġi introdotta fl-awla tal-Maġistrat Depasquale u li se sservi bhala proġett pilota li mistenni jiffaċilita’ s-sistema’ tan-notifiċi bl-iskop li ma jibqgħux jissejħu xhieda fl-istess ħin.
Emendi oħra ser ikunu l-introduzzjoni ta’ servizz fil-komunita’ għal sentenza sospiza ta’ iktar minn sitt xhur ħabs, se jkun possibbli li jingħataw pieni sa erbgħin sena ħabs qabel l-għomor, pieni eħrex għal reati motivati mill-omofobija u l-vandaliżmu.
Emendi oħra jintroducu reat ġdid kontra l-istalking, pieni eħrex għal reati kontra l-copyright u l-frodi.
B’dawn l-emendi qed jingħata wkoll dritt lill-pulizija biex tuża kampjuni elevati għall-iskop ta’ proċeduri kriminali li jistgħu jintużaw f’każ ieħor.
//= $special ?>