Qorti

Għawdxi mixli li kkawża feriti fuq bintu tarbija li spiċċat b’emoroġija

Għawdxi ta’ 26 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Paul Coppini fil-Qorti ta’ Għawdex li f’diversi okkażjonijiet ikkawża ġrieħi gravi fuq bintu ta’ tliet xhur fejn din spiċċat ukoll b’emoroġija interna. Minn dak li rriżulta fil-Qorti jidher li xi t-tifla kienet qed tiġi “xxejkata”.

Ir-raġel tressaq il-Qorti wara li t-tifla tiegħu ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn fost affarijiet kellha viżibbli diversi tbenġil. Aktar tard il-Pulizija ddeċidew li jieħdu azzjoni wara li anke tkellmu mat-tobba.

L-akkużat qiegħed jiċħad l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu hekk kif qed isostni li hu jieħu ħafna ħsieb tat-tifla tiegħu, argument li qed ikun ukoll sostnut minn martu.

L-avukat Lucio Sciriha, li qiegħed jidher għall-akkużat f’din il-preżentata, għamel talba għall-ħelsien mill-arrest hekk kif sostna li din hi kwistjoni familjari u s-sitwazzjoni mistennija tiċċara.

Il-Maġistrat Coppini laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Barra minn hekk, ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni biex il-missier t ma jkunx jista’ jersaq lejn bintu u għalhekk se jgħix fid-dar tal-ġenituri tiegħu.