Lokali Unjoni Ewropea

Ħatriet f’delegazzjonijiet importanti għall-MEP’s Nazzjonalisti

Wara vot fil-Parlament Ewropew it-tlett Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia kienu assenjati f’delegazzjonijiet internazzjonali ma’ pajjiżi mhux membri fl-Unjoni Ewropea u għaqdiet internazzjonali li huma ta’ importanza.

Il-Kap tad-Delegazzjoni David Casa ser jibqa’ membru fl-Assemblea Parlamentari konġunta bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u l-Paċifiku u anke fil-kumitat konġunt parlamentari bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija.

Minn naħa tagħha l-Ewroparlamentari Roberta Metsola ser tifforma parti mid-delegazzjoni lill-Istati Uniti, l-Awstralja u n-New Zealand. It-tielet Ewroparlamentari Nazzjonalista Therese Comodini Cachia ser tkun membru tad-delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kunsill Leġislattiv Palestinjan, mal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni tal-Mediterran u mad-delegazzjoni għaċ-Ċina.

Il-Parlament Ewropew għandu total ta’ 44 delegazzjoni inter-parlamentari li jaħdmu fuq relazzjonijiet u skambju ta’ informazzjoni ma’ parlamenti ta’ pajjiżi mhux membri ta’ l-Unjoni Ewropea.