Lokali

Il-KSU titlob rapreżentanza fid-diskussjonijiet

L-iktar persuni affettwati ħażin fil-kwistjoni bejn il-Gvern, l-Universita’, il-Union tal-Għalliema, l-MUT, u dik tal-Lecturers tal-Għalliema, l-UMASA, huma l-istudenti. Madankollu huma propju dawn l-istudenti l-uniċi li mhux rappreżentati f’din il-kwistjoni.

Saħaq dan il-President tal-Kunsill Studenti universitarji Gayle Lynn Callus waqt f’konferenza tal-aħbarijiet fl-Universita’ ta’ Malta, fejn il-Kunsill Studenti Universitarji ħabbar li qed jitlob formalment biex ikun involut fid-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa biex b’hekk ikun jista’ jirrappreżenta lill-istudenti.

Dan hekk kif bħalissa, fi żmien fejn l-istudenti tal-Universita’ u l-Junion College suppost qed jirċievu r-riżultati tagħhom. Madankollu, kwistjoni dwar il-proposti li offra l-Gvern wasslet biex l-MUT u l-UMASA jdaħħlu fis-seħħ direttivi wara numru ta’ twissijiet.

Fost dawn id-direttivi hemm dik biex il-lekċerers ma jippubblikawx ir-riżultati tal-eżamijiet ħlief għal dawk l-istudenti li jinsabu fl-aħħar sena tal-kors tagħhom. Dan qed iwassal biex l-istudenti ma’ jistgħux japplikaw għall-Erasmus, ma jafux jekk ġewx promossi jew le u f’każ li għandhom resits għaddej iż-żmien biex jidbew jistudjaw.

Dan minbarra numru ta’ problemi oħra li qed jaffaċċjaw studenti barranin, dawk Għawdxin u studenti tal-fakulta tal-mediċina li ma’ jistgħux japplikaw għal programm ta’ studju barra minn pajjiżna fost l-oħrajn.

Gayle Lynn Callus qal li mhux aċċettabbli li l-istudenti jibqgħu jintużaw bħala pedini jiżfnu u jintużaw f’din il-kwistjoni. Kompla li l-organizzazzjoni studenteska għaddejja bil-kuntatti mal-partijiet kollha kkonċernati imma s-sitwazzjoni qed teskala. Fost l-oħrajn semma’ laqgħa li l-KSU kellha mal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo xi ġimgħat ilu. Imma minkejja li l-Ministru wiegħed li s-sitwazzjoni se tiġi riżolta, s’issa dan ma seħħx.

Intant, biex tifhem aħjar il-problemi tal-istudenti, il-KSU se tniedi wkoll applikazzjoni fejn dawk affettwati, b’mod anonimu, jkunu jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, il-President tal-KSU Gayle Lynn Callus qal li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ ma tiġix solvuta, il-KSU se tkompli taqbeż għall-istudenti u ma teskludix li jekk ikun hemm bżonn isiru protesti.