Edukazzjoni Kultura Lokali

Il-programm ‘Taħżiż’ fit-tieni sena tiegħu

L-Għaqda tal-Malti flimkien mal-Fondazzjoni AWL u l-Aġenzija Żgħażagħ ser ikunu qegħdin għat-tieni sena jaħdmu fuq il-programm ‘Taħżiż’, programm deskritt bħala wieħed ta’ empowerment. Din is-sena l-programm huwa magħmul minn tliet seminars residenzjali, b’qari pubbliku bejn seminar u ieħor, u pubblikazzjoni fl-aħħar.

It-tieni seminar ta’ din l-edizzjoni qed jiġi organizzat bejn il-25 u s-27 ta’ Lulju, u matulu l-parteċipanti se jkollhom iċ-ċans jgħixu flimkien għal tliet ijiem f’ambjent li jħeġġeġ il-kitba. Permezz ta’ eżerċizzji tal-kitba huma jiġu mħarrġa f’tekniki differenti filwaqt li l-laqgħat individwali mal-kordinaturi jgħinuhom jorqmu l-kitba tagħhom aħjar.

Il-laqgħat u l-ħidma fi gruppi ma tonqosx, u dawn jgħinu wkoll lill-parteċipanti sabiex għal ftit jidħlu fiż-żarbun ta’ kritiċi u jitgħallmu mill-kitbiet ta’ sħabhom.

Il-parteċipanti għal din is-sena huma Beverly Agius, Dorianne Bonello, Sylvana Bugeja, Francesco Grech, Stefan Magri, Joseph Paul Muscat u Matthew Schembri.