Grupp ta’ dimostranti ppruvaw jagħmlu suwiċidju f’Beijing, il-belt kapitali taċ-Ċina, wara li l-ilmenti tagħhom kienu ilhom żmien twil jiġu injorati mit-tmexxija Komunista Ċiniża.
B’kollox, 12-il persuna qed jingħataw kura fl-isptar wara li ħadu dan il-pass iddisprat. B’kollox sar magħruf li kien hemm żewġ każi b’nies mill-provinċji ta’ Guizhou u Jiangsu li marru Beijing biex jagħmlu din il-protesta drammatika.
Kien hemm seba’ persuni – ħamest irġiel u żewġ nisa – li xorbu kimika għal kontra l-insetti quddiem il-kwartieri ġenerali ta’ ġurnal ewlieni tal-Gvern Ċiniż. Erbgħa minnhom jinsabu fil-periklu li jitilfu ħajjithom.
Qraba ta’ wieħed mid-dimostranti qalu li hu kien ħa dan il-pass wara li d-dar tagħhom kienet inqerdet mill-awtoritajiet Ċiniżi biex jagħmlu spazju għal proġett tal-Gvern.
Kien hemm ukoll każ ieħor fejn ħames dimostranti minn Guizhou ppruvaw joqtlu lilhom infushom wara li kienu arrestati mill-pulizija. Dawn ukoll xorbu kimika li tintuża biex jinqatlu l-insetti. Jidher li dawn ukoll kienu qed jipprotestaw kontra inġustizzji li għaddew minnhom minn uffiċjali tal-Gvern imma qatt ma ttieħdu passi.
Spiss fiċ-Ċina, dawk li jmorru jilmentaw dwar xi inġustizzja jispiċċaw imsawta mill-Pulizija u anki mitfugħin il-ħabs. Aktar kmieni din is-sena l-Gvern Ċiniż qal li kien se jieħu passi biex jirriforma l-mod kif jistgħu jsiru l-ilmenti lill-awtoritajiet imma s’issa sar ftit li xejn.
//= $special ?>

