Internazzjonali

Jiġġarraf ajruplan tal-linja tal-ajru tal-Malaysia Airlines

Separatisti favur tmexxija Russa, fil-Lvant tal-Ukrajna se jagħtu permess għall-aċċess, lill-investigaturi, għas-sit fejn iġġarraf l-ajruplan tal-Malasyisa Airlines.

Qalu wkoll li se jagħtu permess biex jinġabru l-iġsma tal-mejta li kienu abbord it-titjira minn Amsterdam lejn Kuala Lumpur, fil-Malasja. B’kollox abbord l-ajruplan kien hemm 295 persuna minn diversi pajjiżi.

Kelliema għall-linja tal-ajru tal-Malasyia qalu li abbord kien hemm 154 persuna ta’ nazzjonalista Olandiza, 27 Awtraljani, 43 mill-Malasja inkluż 15-il membru tal-ekwipaġġ, 12-il persuna mill-Indonesja, u disgħa Ingliżi u oħrajn li n-nazzjonalita tagħhom mhux magħrufa s’issa peress li kienu f’transit fuq l-ajruplan.

Hemm kritika għall-ħidma ta’ salvataġġ peress li r-ribelli li jikkontrollaw iż-żona mhux attrrezati għal sitwazzjoni simili.

Kollox qed jindika li l-ajruplan twaqqa’ minn missila, imma min spara mhux magħruf u r-ribelli u l-Gvern Ukren qed iwaħħlu f’xulxin.

Fil-fatt, konsulent ghall-Ministeru tal-Intern Ukren, kien ikkwotat mill-aġenziji tal-aħbarijiet li l-ajruplan kien intlaqat minn missila’ meta kien qed itir f’għoli ta’ tletin elf pied

Ma salva ħadd minn dawk abord l-ajruplan, tat-tip Boeing 777, intilef waqt il-vjaġġ minn Amsterdam.

Dan hu t-tieni f’każ f’temp ta’ erba’ xhur li ġara xi ħaga lil ajruplan tal-linja Malaysia Airlines, meta f’Marzu ajruplan ieħor li telaq minn Kuala Lumpur f’titjira lejn Beijing, għeb b’aktar minn mitejn u tletin persuna abbord.

Fl-aħħar ġimgħat twaqqgħu wkoll numru ta’ ajruplani militari Ukreni wara li ntlaqtu minn missili fil-Lvant tal-Ukrajna, u fejn il-militanti separatisti li jridu l-għaqda mar-Russja qed jiġġieldu l-battalji kontinwi mal-qawwiet tal-Gvern tal-Ukrajna. Imma dawn l-ajruplani militari kienu qed itiru relattivament fil-baxx filwaqt li dak malasjan kien qed itir ferm aktar fl-gholi

Intant, delegazzjoni tal-Partit Popolari Ewropew, imexxija mic-Chairman tal-Grupp Manfred Weber u l-President tal-Parit Popolari Ewropew Joseph Daul, l-Erbgha se jibdew żjara fl-Ukrajna biex ikun diskuss dak kollu li għaddej fil-pajjiż inkluż it-traġedja tal-ajruplan tal-Malaysia Airlines.