Lokali

Joqrob lejn tmiemu r-rikors kostituzzjonali tal-Partit Nazzjonalista

Ir-rikors kostituzzjonali li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista dwar ir-riżultat elettorali fit-8 u t-13-il Distrett Elettorali fl-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013, issa riesaq lejn tmiemu.

Dan hekk kif il-partijiet iddikjaraw fil-Qorti li m’għandhomx aktar provi xi jressqu.

Ilum kompliet tinstema’ l-kawża li l-Partit Nazzjonalista fetaħ kontra l-Kummissjoni Elettorali u kontra d-Deputat Laburista Joe Debono Grech, il-Ministru Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana dwar l-allegat żball fl-għadd tal-voti fit-8 u fit-13-il Distrett.

L-avukat Chris Said li kien qed jidher minflok l-Avukat Paul Borg Olivier li kien indispost, flimkien mal-Avukat Therese Comodini Cachia li qed jidhru għal PN, iddikjaraw li għalqu l-provi tal-każ tagħhom.

L-istess għamlu l-partijiet l-oħra, jiġifieri l-Partit Laburista u l-Kummissjoni Elettorali u għalhekk l-Imħallef Jacqueline Padovani tat ċans xahar lil partijiet biex iressqu n-noti tagħhom. Dan biex fil-31 ta’ Ottubru li ġej il-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-każ.

Fir-rikors, id-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u Fredrick Azzopardi qed jgħidu li l-elezzjoni ġenerali tat riżultat li ma jirriflettix ir-rieda tal-votanti għax il-Kummissjoni Elettorali għamlet żbalji fit-trasferiment tal-voti.

Dan wassal biex flok ir-rieda tal-votanti li jkunu eletti Claudette Buttigieg u Fredrick Azzopardi bħala kandidati tal-PN, kienu eletti Edward Scicluna u Justyne Caruana f’isem il-Partit Laburista.

Dan wassal ukoll id-disktakk bejn il-PL fil-Gvern u l-PN fl-Oppozizzjoni hu ta’ disa’ siġġijiet minflok ta’ sebgħa siġġijiet.