Kunsilli Lokali Lokali

Mossi ta’ Gvern b’defiċit demokratiku

L-aħbar li hemm il-probabilita’ li l-Gvern Laburista se jneħħi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali għas-snin li ġejjin hija żgur aħbar li tintlaqa’ bi tħassib minn kull min għandu għal qalbu d-demokrazija. 

Fi stqarrija maħruga mill-Kullegg Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) u l-Moviment Żgħazagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) sahqu li qed tinkiser il-wegħda li saret liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena biex ikollhom dritt ghal vot – u fl-istess nifs l-elettoral qed jiċċaħħad milli jkollu l-possibilita’ li jibdel il-Kunsill permezz tal-vot tiegħu, b’Kunsilli Lokali li se jkollhom it-terminu tagħhom miżjud b’iktar minn erba’ snin.

Il-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) u l-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) għalhekk jikkundannaw il-metodu qarrieqi tal-Gvern li lest iżid b’iktar mid-doppju t-tul tal-mandat tal-kunsilli lokali minkejja li l-poplu eleġġihom ghal ferm anqas, kif ukoll li jiċhad il-vot lil eluf ta’ żgħażagħ ftit xhur biss wara li ngħatalhom.
 
Fi stqarrija il-KKLPN u l-MŻPN qalu li jemmnu li mossa bħal din hija mhux biss waħda li ddgħajjef il-leġġittimita’ tal-istess Kunsilli Lokali iżda sservi bħala attakk dirett fuq id-demokrazija. Diżappunt kbir jiġi espress għal fatt li l-istess Gvern, li tkellem tant dwar l-importanza tal-vot ta’ 16 il-sena, issa se jkun l-istess Gvern li se jċaħħad lil dawn iż-żgħażagħ mid-dritt tal-vot għal bosta snin. Fuq kollox, il-mossa tal-Gvern se ċċaħħad ukoll lill-elettorat mill-opportunita’ li jeleġġi lil dawk ir-rappreżentanti li jrid hu fil-Kunsilli Lokali għas-snin li ġejjin, fosthom numru ta’ żgħażagħ.

Il-KKLPN u l-MŻPN jappellaw lill-Gvern sabiex dwar din il-materja wkoll, ma jgħaffiġx u jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd għall-interessi partiġġjani tiegħu iżda jikkonsulta ma’ kull min hu nvolut, u anke jfittex it-triq tal-kunsens kif fuq kollox dejjem ġara fil-passat fejn tidħol materja li tikkonċerna elezzjonijiet.

Kemm il-KKLPN kif ukoll l-MŻPN kkonkludew li lesti li jidħlu f’diskussjonijiet mal-Gvern dwar din il-materja, għaliex bid-deċizjoni tal-Gvern, qed jiġu affettwati kemm mijiet ta’ żgħażagħ kif ukoll ir-rappreżentanti tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Kunsilli Lokali.