Edukazzjoni Lokali

2,348 applikazzjoni għall-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC

1,337 żagħżugħ u żagħżugħa tefgħu total ta’ 2,348 applikazzjoni għall-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC f’erba’ suġġetti li qed jiġu offruti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol taħt l-inizzjattiva tal-Garanzija taż-Żgħażagħ ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea.

Stqarrija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni tgħid li l-klassijiet se jibdew fit-28 ta’ Lulju u l-istudenti se jkunu offruti programm intensiv ta’ studju sabiex ikunu jistgħu jagħmlu r-resit f’Settembru b’suċċess.

Is-suġġetti magħżula kienu l-Malti li għalih kien hemm 500 applikazzjoni, l-Ingliż b’692 applikazzjoni, il-Matematika b’770 applikazzjoni u l-Fiżika bi 386 applikazzjoni.

Fl-aħħar jiem, dan is-sit irrapporta li ntbagħtu numru ta’ emails lil għalliema mill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex iħeġġuhom japplikaw biex jgħallmu f’dawn il-korsijiet. Dan għaliex, skont sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit, kien hemm nuqqas ta’ rispons min-naħa tal-għalliema.

L-istqarrija tal-Ministeru m’għamlet ebda referenza għal dan it-tħassib.