Żewġ deputati Laburisti joħorġu fil-pubbliku kontra l-Gvern dwar il-proposti ġodda dwar l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u dwar li-privatizzazzjoni tal-Enemalta.
Kienu d-Deputat Laburista u ex Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia u d-Deputat Laburista Marlene Farrugia li fuq programm fuq l-istazzjon RTK dalgħodu għamlu dikjarazzjonijiet qawwija dwar il-proposti l-ġodda tal-gvern li ma jagħmilx l-elezzjonijiet li jmiss tal-kunsilli lokali u dwar il-privatizzazzjoni tal-Enemalta.
Fil-kummenti tiegħu id-Deputat Laburista u ex Ministrur tas-Saħħa Godfrey Farrugia tkellem dwar il-kunsilli lokali u qal li hu għandu esperjenza ta’ tmien snin sindku. Mistoqsi dwar l-argument tal-Gvern li l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ma jsirux biex ikunu ffrankati l-flus, Godfrey Farrugia qal li d-demokrazija m’għandiex prezz għaliex kull mezz demokratiku għandu jkun prattikat. Hu saħaq fuq l-importanza li ma jitħalltux kwistjonijiet lokali ma’ oħrajn nazzjonali u li l-kunsilli lokali jkunu eletti f’elezzjonijiet separati minn kull elezzjonijiet oħra.
Id-Deputat Laburista sostna li l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali jżommu lill-gvern fuq ponot subajh u żied li dawn l-elezzjonijiet huma wkoll opportunita tad-deheb għaliex fihom se jkunu qed jivvutaw għall-ewwel darba iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena. Dwar il-vot tiegħu fil-parlament dwar il-proposti li qed irressaq il-Gvern, id-Deputat Laburista qal li l-veduta tiegħu hi pubblika u spjega li fil-grupp parlamentari Laburista ssememw dawn il-proposti.
Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia qalet li l-kunsilli huma għodda siewja ħafna fit-tisħiħ tad-demokrazija u s-sussidjarjeta. Hi qalet li l-kunsilli għandhom jissaħħu mhux jiddgħajfu u sostniet l-pajjiż m’għandux iħott dak li nbena meta twaqqfu l-kunsilli lokali. Marlene Farrugia qalet li ma taqbilx li l-elezzjonijiet għandhom isiru fl-2019 u sostniet li jekk dan isir is-saħħa tal-kunsilli lokali tinqered.
Il-poplu għandu jkollu l-opportunita li jesprimi l-opinjoni tiegħu permezz tal-kunsilli lokal, sostniet id-Deputat Laburista li ssuġġeriet li jsiru elezzjonijiet tal-kunsilli kollha flimkien iżda l-perjodu jiqsar mhux jitwal. Qed neqirdu dak li bnejna, sostna id-Deputat Laburista Marlene Farrugia, li enfażizzat li l-kunsilli jistgħu jinqerdu b’żewġ modi; jekk ma jsirux elezzjonijiet u jekk ma jingħatawx il-finanzi meħtieġa.
Dwar il-vot fil-parlament fuq l-Enemalta, Marlene Frarugia qalet li hu tajjeb li jsir investiment maċ-Ċiniżi u sostniet li l-Enemalta kellha dejn kbir u għalhekk bilfors riedu jittieħdu azzjonijiet biex issolvi l-problemi anki minħabba li dan kien qed jeffettwa l-finanzi tal-pajjiż. Id-Deputat Laburista qalet li hu pożittiv li l-gvern indirizza din il-problema iżda biex l-Enemalta tkun salvata kellhom ikunu esplorati l-opportunitajiet kollha possibbli u mhux s-sħubija maċ-Ċiniżi.
Marlene Farrugia kkriitkat il-fatt li l-MOU għadu mhux ippubblikat meta l-fatti huma li kumpanija mmexxija mill-Gvern Ċiniż se tixtri sehem ta’ 33 fil-mija fl-Enemalta. Din xtrat ukoll il-BWSC, sostniet Marlene Farrugia, li staqsiet jekk dan l-impjant mhux se jitmexxa mill-ħaddiema Maltin jew Ċiniżi.
Hi sostniet li b’dawn l-azzjonijiet Malta se tkun dipendenti fuq Gvern barrani għall-produzzjoni tal-enerġija u saħqet biex il-gvern jagħti l-informazzjoni meħtieġa li tikkonvinċi lid-deputati jpapoġġjawh. Hi nsistiet li l-gvern għandu jiggarantixxi l-kundizzjonijiet lill-ħaddiema tal-Enemalta li tul is-snin urew li huma tant kapaċi. Ma naqbilx li nwarrbu lill-ħaddiema u li dawn ma jingħatawx il-garanziji li kienu mwegħda lilhom, sostniet Marlene Farrugia.
Hi appellat biex jassigurawha li l-wegħdi li saru lill-ħaddiema jitwettqu u qalet li kieku dan sar kienet tmur tivvota iżda dan għadu ma sarx. Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia nsiset fuq it-trasparenza mal-poplu u mal-ħaddiema tal-Enemalta f’dan il-proċess. Farrugia sostniet li anki l-power station il-ġdida se tkun f’idejn barranin, propju f’idejn il-gvern tal-Ażerbajġan.
Dwar il-laqg[at tal-grupp parlamentari Laburista, Farrugia qalet li għandha qatt ma ġew dokumenti relatati mal-privatizzazzjoni tal-Enemalta u insistiet li d-deputati għandhom jaraw id-dokumenti kollha u jingħataw l-informazzjoni dwar dak li fuqu se jkunu qed jivvutaw qabel imorru jivvutaw. Aħna m’aħniex fil-parlament biex inkunu n-ngħaġ ta’ Bendu, sostniet Marlene Farrugia.
Id-Deputat Laburista qalet li hi lanqas setgħet tivvota kontra xi ħaġa li wara kollox tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-pajjiż u għall-ħaddiema; għalhekk kellha bżonn l-informazzjoni. F’pajjiż demokratiku fl-2014 m’għandux ikun nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti importanti, sostniet Marlene Farrugia, li kompliet jkun biss wara li dawn id-dokumenti jkunu pubbliċi li għandhom jittieħdu l-voti fil-parlament.
Il-kummenti fil-filmat.
//= $special ?>