Edukazzjoni Lokali

Jitħabbar tibdil fil-kors ta’ l-għalliema

Il-Fakulta’ tal-Edukazzjoni fl-Universita’ ta’ Malta ħabbret li se tkun qed toffri kors ta’ sentejn ‘full-time’ għall-grad ta’ ‘Masters in Teaching and Learning’, bil-għan li fis-snin li ġejjin, dan il-programm ta’ studju jieħu post il-korsijiet B.ED (Honours) u l-PGCE li hemm bħalissa.

L-istudenti li jiggradwaw bil-Masters in Teaching and Learning ikunu eleġibbli li jidħlu fil-profesjoni ta’ għalliema u japplikaw għall-‘warrant’ ta’ għalliema. F’dan il-programm ta’ studju, l-istudent se jingħata l-għażla li jispeċjalizza jew fl-Edukazzjoni Bikrija u Primarja jew inkella fl-Edukazzjoni Medja u Sekondarja.

Studenti li jkollhom il-ħsieb li jkomplu l-istudji tagħhom biex isiru għalliema fl-Edukazzjoni Primarja għandu jkollhom ‘undergraduate degree’, bħal Baċċellerat f’Early Childhood and Education. Qed jigu kkunsidrati Baċċellerati oħra li wkoll jistgħu iwasslu għall-Masters in Teaching and Learning fuq il-linja tal-Edukazzjoni Bikrija u Primarja.

Intant, studenti li għandhom il-ħsieb li jkomplu l-istudji tagħhom biex isiru għalliema f’wieħed jew żewġ suġġetti mgħallma fil-livell sekondarju, għandhom isegwu ‘undergraduate degree’ li tinkludi sittin ‘credit’ fil-qasam jew oqsma tas-suġġetti li għandhom l-intenzjoni li jispeċjalizzaw fihom bħala għalliema. Din l-‘undergraduate degree’ tista’ tiġi segwita permezz ta’ programmi offruti minn fakultajiet oħra tal-Universita’, bħall-Fakulta’ tal-Arti, il-FEMA, l-ICT, it-Tisħiħ tas-Soċjeta’, il-Fakulta’ tax-Xjenza u tat-Teologija fost l-oħrajn. ‘Undergraduate Degre’ tista’ wkoll tiġi offruta mill-Fakulta’ tal-Edukazzjoni għal numru ta’ suġġetti mgħallma fl-iskejjel sekondarji. Dawn l-‘Undergraduate Degrees’ se jiġu mnedija fis-snin 2016-2017 u jkunu segwiti mill-kors ta’ sentejn ‘full-time’ ta’ Masters in Teaching and Learning.

Għal suġġetti fejn diġa’ jeżistu ‘Undergraduate Degrees’ fl-Universita’ ta’ Malta, ir-rotta tal-Masters li qed jiġi introdott se titnieda fil-bidu tas-sena akkademika 2016-2017. Għal suġġetti fejn il-programmi tal-‘Undergraduate Degrees’ għadhom qed jiġu żviluppati, ir-rotta tal-Masters in Teaching and Learning se titnieda fil-bidu tas-sena akkademika 2019-2020.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit tal-Universita’ ta’ Malta.