Lokali

L-anqas id-Deputati tal-Gvern stess ma’ kienu kkonsultati dwar il-ligi ta’ l-Enemalta

Matul id-dibattitu fil-Parlament fl-aħħar jiem spikka in-nuqqas ta’ informazzjoni min-naħa tal-Gvern dwar il-kuntratti iffirmati ma’ Shanghai Electric u Electrogas Malta waqt id-dibattitu dwar il-liġi tal-Enemalta.

Diversi kelliema tal-Opposizzjoni kienu ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-Gvern qed juri nuqqas kbir ta’ trasparenza.

Issa jirriżulata li lanqas id-Deputati tal-Gvern stess ma kienu kkonsultati dwar il-liġi li biha l-Enemalta ma’ baqatx Korporazzjoni iżda saret kumpanija pubblika.

Il-ġurnal The Malta Independent jikkwota sorsi fi ħdan il-Partit Laburista jgħidu li l-Grupp Parlamentari Laburista ma ddiskutiex din il-liġi kontroversjali u ried imur dritt għall-vot.

Dan kien konfermat ukoll mid-Deputata Laburista Marlene Farrugia li l-Ġimgħa ma marritx il-Parlament biex tivvota dwar din il-liġi għaliex qalet li l-Gvern ma poġġiex fuq il-mejda tal-Kamra dokumenti li huma rilevanti għad-dibattitu.

F’kummenti li tat lil mezzi tax-xandir, Marlene Farrugia qalet li sakemm ma jkunx ippruvat mod ieħor bíl-pubblikazzjoni tad-dokumenti, hi għandha l-impressjoni li Gvern barrani se jakkwista kontroll sostanzjali tal-unika entita li tiġġenera l-enerġija f’pajjiżna.

Marlene Farrugia kompliet li lanqas m’hu ċar x’se jiġri mill-ħaddiema għaliex għadha ma rat xejn iswed fuq l-abjad li jagħti assigurazzjoni dwar l-għixien tagħhom.

The Malta Independent tkompli li l-Grupp Parlamentari Laburista ma ltaqax biex jiddiskuti l-Abbozz ta’ liġi dwar l-Enemalta.

Iktar tard matul il-ġurnata tas-Sibt, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Carmelo Abela insista li l-Grupp tal-Gvern iddiskuta din il-liġi bhalma jagħmel fil-laqgħa ta’ kull nhar ta’ Tnejn. Hu kkonferma li l-laqgħa tat-Tnejn li għadda inqabżet għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat kien għadu fiċ-Ċina.

L-għada it-Tlieta, bdiet id-diskussjoni fuq l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Enemalta.