Lokali

Tidħol fit-tieni jum tagħha l-Maratona Oħloq Tbissima

Illum daħlet fit-tieni jum tagħha l-Maratona Oħloq Tbissima – maratona ta’ sittin siegħa xandir li qed titella’ għal sena oħra ġewwa Dar San Ġużepp f’Santa Venera.

L-iskop tal-maratona huwa li jinġabru fondi biex is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl tkun tista’ tiffinanzja missjonijiet ġewwa l-Filippini, l-Peru u l-Pakistan kif ukoll proġetti għal Dar San Ġużepp fejn hemm residenti numru ta’ żgħazagħ u tfal.

Dalgħodu żar il-maratona il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Presiden tal-Kunsill Ġenerali Paula Mifsud Bonnici, li ntlaqgħu f’Dar San Ġużepp minn Fr. Louis Mallia u Marthese Brincat, organizattriċi tal-maratona.

F’appell lill-pubbliku, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li waqt il-maratona, il-voluntiera kollha, permezz tal-ħidma tagħhom qed jgħinu lil ħaddieħor biex itaffu mit-tbatija tagħhom. Appella biex din it-tbatija nilqgħuha bħala opportunita’ biex ngħinu lil min hu fil-bżonn.

Min-naħa tagħha, Paula Mifsud Bonnici semmiet kif maratona bħal din tagħti l-opporunita’ lil kulħadd biex nagħtu xi ħaġa lis-soċjeta’ biex titejjeb il-kwalita’ ta’ min hu fil-bżonn, u ta’ dan ningħataw lura s-sodisfazzjoni. Hi appellat għal ħolqien ta’ kuxjenza missjunarja.

Min-naħa tiegħu, Fr. Louis Mallia, li ppreżenta tifkira mill-Filippini lill-Kap tal-Oppożizzjoni, qal li t-tbissima tiġi mill-fatt li wieħed jagħti lill-oħrajn.

Waqt li kienu qed iżuru l-maratona, kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, kif ukoll il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, kellhom ukoll l-opportunita’ li jippakkjaw kaxxi bl-ikel li imbgħad se jintbgħatu permezz ta’ ‘container’ lejn il-Peru’. Iktar kmieni matul il-gurnata il-PM Joseph Muscat zar ukoll il-maratona.

Il-Maratona qed tixxandar f’diversi stazzjonijiet b’siltiet minnha qed jixxandru wkoll fuq Net Television u tintemm il-Ħadd.

Fost il-missjonijiet li jmiss mis-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl hemm li missjoni minn grupp ta’ 27 persuna li se jitilghu għal xahar sħiħ f’Awissu fil-Peru’ fejn se jgħinu madwar 50 familja fqira fil-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum.