“Il-Partit Nazzjonalista qed jiffavorixxi linja favur it-terapija ta’ min hu vittma mill-abbuż tad-droga linja iktar umana.”
Dan sostnieh l-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Familja u s-Solidarjeta’ Socjali Clyde Puli b’reazzjoni għall-pubblikazzjoni tal-White Paper mill-Gvern dwar ir-riforma ta’ liġijiet marbutin mad-droga.
Filwaqt li tirrikonoxxi li d-droga hi essenzjalment ħażina, il-White Paper tikkunsidra l-użu personali tad-droga tal-abbuż bħala problema ta’ saħħa u problema soċjali u mhux biss bħala problema kriminali.
Il-qofol tal-liġi hu dwar min jinqabad b’pussess sempliċi għall-ewwel darba. Dawn il-persuni issa qed ikun propost li ma jitressqux il-Qorti imma jibdew jingħataw twissija minn Kummissarju tal-Gustizzja specjalizzat.
Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli fisser li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni li d-drogi, essenzjalment, jagħmlu ħsara lill-individwu kif ukoll ħsara lis-soċjeta’.
Il-PN iżda jisħaq li ma jridx jintbagħat il-messaġġ li l-użu tad-droga, bħala rikreazzjoni, hu leġittimu, daqs kull mezz ieħor ta’ rikreazzjoni ieħor. Filwaqt li jaqbel ma’ numru ta’ prinċipji li huma elenkati fil-White Paper, il-Partit Nazzjonalista jaħseb li, fis-sustanza, hemm affarijiet oħrajn li jehtieġu aktar diskussjoni.
Clyde Puli stqarr li meta qed nitkellmu dwar legalizzazzjoni tal-Marijuana, hemm min qed isostni li din xorta tagħmel hafna ħsara.
Mistoqsi jekk il-Partit Nazzjonalista hux bi ħsiebu jmexxi b’xi forma ta’ konsultazzjoni mal-esperti, Clyde Puli wiegeb fl-affermattiv u stqarr li m’hemmx dubju li galadarba l-White Paper ħarget u hemm linja ħarira iktar cara ‘l fejn irid jimxi l-Gvern, il-Partit Nazzjonalista irid jiddiskuti iktar mal-esperti u mal-NGOs biex jara liema għandha tkun l-aħjar politika nazzjonali dwar id-droga.
//= $special ?>