Il-Bord li waqqaf il-Ministru Evarist Bartolo biex jinvestiga l-fjask ta’ Skola Sajf u Klabb 3-16 mhu xejn ħlief skuża biex jgħatti r-responsabbiltajiet politiċi u b’hekk iwaħħal fil-ħaddiema tas-settur pubbliku.
Din mhix l-ewwel darba li Evarist Bartolo ħa din it-triq, iżda kien diġa’ għamel hekk f’Ottubru Ii għadda meta waħħal fil-ħaddiema għal deċiżjoni li jitwaqqfu l-istipendji tal-istudenti tal-O-Levels fil-Post Sekondarja.
Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq li għal darb’oħra, l-Ministru Bartolo waqqaf bord suppost indipendenti biex jgħatti n-nuqqasijiet li wettaq hu bħala Ministru.
Il-Ministru Bartolo kien infurmat tliet ġimgħat qabel li kien hemm diffikultajiet biex jingħata bidu għall-programm Skola Sajf minħabba d-deċiżjoni, li kienet waħda politika, li Skola Sajf tingħaqad ma’ Klabb 3-16. Din id-deċiżjoni ttieħdet biss xahrejn qabel ma kellhom jibdew dawn iż-żewġ programmi.
Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista kompla li din id-deċiżjoni politika ttieħdet mill-Ministru Bartolo u għalhekk għandu jkun hu li jerfa’ r-responsabbilta’ politika ta’ din ‘id-diżorganizzazzjoni organizzata’, u mhux jitfa’ t-tort fuq il-ħaddiema tas-settur pubbliku.
Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista kkonkluda li l-Gvern ta’ Joseph Muscat tela’ fil-Gvern bl-għajta tar-responsabbilta’ politika. Issa, r-responsabbilta’ politika taret mar-riħ, u l-ebda membru tal-Gvern mhux jerfa’ din ir-responsabbilta’. Eżempju ċar seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa meta l-Prim Ministru Joseph Muscat gideb fil-Parlament dwar il-pakkett finanzjarju tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi.
Il-Gvern ta’ Muscat għandu jkun wieħed serju u jwettaq dak li wiegħed, jiġifieri jerfa’ r-responsabbilta’ politika.
//= $special ?>