Lokali

Konsulent Ingliż ingħata aċċess għal dokumentazzjoni mhux uffiċjali għall-pubbliku

Il-Ministru responsabbli mis-settur tas-saħħa Konrad Mizzi qiegħed jaħbi informazzjoni dwar kuntratt ta’ konsulenza li ta lil ċertu Alan Comeford, konsulent li qed jagħmel ħin twil jaħdem mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi f’Gattard House fil-Blata l-Bajda.

Dettalji dwar din il-ħatra dubjuza ta’ konsulent barrani mill-Ministru Konrad Mizzi ġew żvelati fil-ħarga tal-Ħadd ta’ IL-MUMENT, fejn ħareg li dan il-konsulent Ingliż maħtur bl-approvazzjoni tal-Ministru Mizzi huwa involut direttament f’mill-inqas kumpanija waħda li topera fis-settur privat.

L-artiklu fuq IL-MUMENT jgħid li Konrad Mizzi ta direzzjoni ċara biex dan ikollu aċċess sħiħ għal dokumentazzjoni marbuta ma’ proġetti li qed isiru u li suppost ghandhom isiru fis-settur tas-sahha tul iz-zmien li gej, inkluz dawk li suppost ghandhom jinhargu b’tender u ohrajn li gew identifikati biex jikkwalifikaw ghall-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi hija fdata biex tamministra proġetti b’valur li jlaħħaq madwar mija u ħamsin miljun ewro. Din is-sitwazzjoni li żviluppat fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Medici qed tqanqal tħassib serju peress li l-konsulent Ingliż maħtur mill-Ministru Konrad Mizzi mhuwiex uffiċjal pubbliku u għaldaqstant qed tqum il-mistoqsija dwar jekk għandux konflitt u x’interess jista’ jkollu dan il-konsulent mahtur mill-Ministru Mizzi minħabba l-involviment tiegħu fis-settur privat.

Il-MUMENT tgħid li għandha informazzjoni li Alan Comerford talab li jingħata l-informazzjoni kollha dwar proġetti pendenti li ghalihom ghad iridu joħorgu tenders pubbliċi bħall-esetensjoni tal-Isptar t’Għawdex, ic-centri regjonali tas-sahha f’Raħal Ġdid u San Giljan u l-bini tal-Bank tad-Demm il-ġdid.

Bil-ħatra ta’ Alan Cameford bħala konsulent tal-Ministru Konrad Mizzi u l-mod kif dan qiegħed jaħdem fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi huwa indikat ukoll li r-rwol tal-Kap Ezekuttiv, okkupat minn James Camenzuli ġie relegat.

Tibdil ieħor li seħħ dan l-aħħar kien il-ħatra ta’ Peter Cordina, kandidat Laburista fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li wara li falla milli jiġi elett, il-Gvern ta’ Muscat ippremjah b’kariga ta’ President tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, minflok Joe Capello, li tneħħa flimkien mal-Bord ħabta u sabta.