Lokali

L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali posposti għal ħames snin oħra

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeċieda li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li kellhom isiru f’Marzu tas-sena d-dieħla ma jsirux u jkunu posposti għal ħames snin oħra.

Deċiżjoni li dwarha mhux biss qed issir kritika mill-Oppozizzjoni, imma wkoll minn Deputati Laburisti.

Dan johrog minn rapport ippubblikat fil-gazzetta il-mument li jizvela li d-decizjoni kienet komunikata f’laqgħa tal-Kabinett u tal-Grupp Parlamentari Laburista.

Il-mument tiżvela li dwar dan hemm diżgwid fil-kamp Laburista u fost dawk li qed jopponu din id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat hemm id-Deputati Marlene Farrugia, u l-ex Ministru Godfrey Farrugia flimkien mas-Segretarji Parlamentari Stefan Buontempo u Jose` Herrera.

Ir-rapport jgħid ukoll li xi Ministri Laburisti bdew jinfurmaw lil Kunsillieri Laburisti u lil kanvassers taghhom li l-elezzjonijiet mhux se jsiru s-sena d-diehla.

L-ex Ministru Godfrey Farrugia li għandu esperjenza twila ta’ tmien snin bħala Sindku xejjen l-argument ta’ Muscat li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mhux se jsiru s-sena d-dieħla biex ikunu iffrankati l-flus u qal li d-demokrazija m’għandhiex prezz għaliex kull mezz demokratiku għandu jkun ipprattikat.

Is-Sibt id-Deputat Laburista Marlene Farrugia ukoll espremiet opinjoni kontra l-proposta li ma jsirux l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Din tista’ twassal għall-qerda tal-kunsilli.

Sadattant, nhar il-Ħamis li għadda waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ikkritika l-pjan tal-Prim Ministru Joseph Muscat li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jkunu posposti għal hħames snin oħra. Hu sostna li dan hu imminar tad-demokrazija u stil ta’ deċiżjonijiet dittatorjali.