Internazzjonali

Mejtin u midruba f’inċident fil-Ġermanja

Disa’ persuni mietu u ‘l fuq minn erbgħin indarbu f’inċident li kien jinvolvi numru ta’ karozzi tal-linja u li seħħ fi triq prinċipali fil-limiti ta’ Dresden, fil-Lvant tal-Ġermanja.

Kelliema għall-Pulizija qalu li l-inċident seħħ fis-sigħat bikrin tas-Sibt u meta xarabank mill-Polonja baqa’ dieħel ġo xarabank ieħor li kien ġej mill-Ukrajna. Mifhum li l-ewwel xarabank, imbagħad, faqa’ crash barrier qabel daħal direttament għal ġo minibus li wkoll kien qed jivvjaġġa mill-Polonja.

L-ewwel rapporti, fil-fatt, qalu li sebgħa fost il-mejtin kienu qed jivvjaġġaw fil-minibus inkwistjoni u li l-maġġoranza tan-nies li tilfu ħajjithom huma Pollakki.

Il-midruba twasslu lejn l-isptarijiet ta’ Dresden u lejn il-kumplessi mediċi oħra fl-inħawi ta’ Radebeul, bil-Pulizija, bħalissa, qed tinvestiga l-kaġun preċi] tal-inċident traġiku.