Lokali

“Nuqqas ta’ trasparenza mill-Gvern dwar il-privatizzazzjoni tal-Enemalta” -Simon Busuttil

Id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li nhar il-Ġimgħa għadda mill-Parlament il-liġi li se twassal għall-privatizzazzjoni tal-Enemalta mingħajr ma ippubblika l-kuntratti li saru mal-kumpanija tal-Gvern Ċiniż, Shangai Electric u mal-kumpanija ElecroGas, turi nuqqas ta’ trasparenza.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna dan il-bieraħ f’kummenti ma In-Nazzjon wara li nhar il-Ġimgħa, minkejja l-oġġezzjonijiet tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Gvern approva l-liġi imsejħa l-Att dwar it-trasferiment, id-drittijiet, id-debiti u l-obbligi tal-Enemalta. Din il-liġi se twassal biex il-Korporazzjoni Enemalta tkun privatizza u l-Gvern malti jitlef il-kontroll fuq il-produzzjoni tal-enerġija f’pajjiżna.

Simon Busuttil spjewga li l-Oppożizzjoni ivvutat kontra din il-liġi li Gvern daħħalha bil-għaġġla u l-iktar ħaġa li l-Gvern għamel ħażin hi li ħeba fuq din il-liġi. Hu qal l-Gvern ġie b’din il-liġi mingħajr ma poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti d-dokumenti marbutin mal-privatizzazzjoni tal-Enemalta u ippretenda li l-Oppożizzjoni tivvota favur din il-liġi. Il-Kap tal-PN qal, “immaġina li inti tmur tagħmel kuntratt u xi ħadd jgħidlek li għandek tiffirmaħ, mingħajr lanqas biss qrajtu. Dan hu dak li ippretenda minna dan il-Gvern.”

Il-Kap tal-PN qal li l-Oppożizzjoni ivvutat kontra din il-liġi minħabba nuqqas ta’ trasparenza u għaliex il-Gvern wiegħed li ma jipprivatizzax l-Enemalta u minflok se jipprivatizzaha. Simon Busuttil fakkar fil-wegħda li Joseph Muscat għamel lil ħaddiema tal-Enemalta qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet meta f’laqgħa fit-Teatru Rialto f’Bormla wiegħed li ma kienx se jipprivatizza l-Enemalta.

Hu spjega wkoll li l-Oppożizzjoni vvutat kontra din il-liġi għax il-Gvern Laburista se jċedi l-ġenerazzjoni tal-elettriku f’idejn kumpaniji barranin mingħajr proċess trasparenti tassew. Fuq kollox, dan hu tradiment tal-ħaddiema tal-Enemalta sostna Simon Busuttil.

Simon Busuttil qal li l-Gvern għandu ħabta li jgħid lil Oppożizzjoni Nazzjonalista biex tagħlaq ħalqha imma l-Oppożizzjoni mhix se tibża minn dan it-tip ta’ bullying tal-Gvern. “Aħna qegħdin hemm biex dak li hu ħażin ngħidulu li hu ħażin, bħalma dak li hu tajjeb lesti li ngħidulu tajjeb” qal il-Kap tal-PN. Hu temm li l-mod kif għaddiet il-liġi tal-Enemalta nhar il-Ġimgħa hu ħażin u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li hu ħażin.

Id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jgħaddi l-liġi dwar il-privatizzazzjoni tal-Enemalta, ġabet ukoll kritika ħarxa mid-Deputat Laburista Marlene Farrugia tant li nhar il-Ġimgħa iddeċidiet li ma tmurx tivvota fil-Parlament.

F’kummenti lil media sostniet li fil-proċess kif gpħaddiet il-liġi m’hemmx trasparenza u hemm mistoqsijiet importanti li jridu jkunu mwieġba. Sostniet li l-privatizzazzjoni se tibdel id-dipendenza tal-pajjiż għall-energija fuq pajjiż ieħor.
Marlene Farrugia qalet li l-Parlament u l-ħaddiema jeħtiegu diversi assigurazzjonijiet għax il-Gvern hu obbligat li jagħti l-informazzjoni kollha.