Lokali

Simon Busuttil japella għar-rispett lejn prinċipji bażiċi f’demokrazija moderna

Wara li l-Ħamis li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil għamel id-diskors ta’ aġġornament fil-Parlament li fih appella għar-rispett lejn prinċipji bażiċi f’demokrazija moderna, il-gazzetta il-mument ħadet r-reazzjoni ta’ opinjonisti dwar dan id-diskors.

Fid-diskors tiegħu, Simon Busuttil fakkar kif il-Prim Ministru Joseph Muscat gideb meta qal li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi taqla biss €3,700 fix-xahar. Hu tkellem ukoll dwar il-ħatra ta’ Wenzu Mintoff bħala Imħallef.

Dwar din il-parti tad-diskors, Lawrence Grech qal li għalih l-oġġezzjoni hija iktar minħabba li ma tantx ippratika fil-Qorti. Simon Mercieca qal li il-ħatriet ta’ Sai Mizzi u Wenzu Mintoff jilhqu il-quċċata tal-nepotiżmu politiku filwaqt li rrefera għall-Kunsilli Lokali u saħaq li kontra dak li ħasbu ż-żgħażagħ issa jridu jistennew sal-2019 biex jivvutaw. Din kienet materja oħra li ttratta Simon Busuttil fil-Parlament fid-diskors tiegħu dwar id-demokrazija.

Dwar din il-materja, Lawrence Grech qal li l-Partit Laburista “donnu qed jibża li jkun hemm test tal-opinjoni pubblika” qabel l-elezzjoni ġenerali filwaqt li sostna li jaqbel mal-kummenti ta’ Simon Busuttil li l-Gvern ta l-vot lil żgħażagħ ta’ sittax-il-sena imma issa jrid jneħħi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali sa ħames snin oħra.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar raġunament tal-Gvern li kull meta l-Oppożizzjoni ssemma’ leħinha, il-Gvern jaqbeż jgħid li fil-passat hekk ġara.

Michael Falzon qal li din kienet l-iktar haga li laqtietu mid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni u qal li għandna nkunu maturi biżżejjed biex nifhmu li żball ta’ naħa qatt ma jista’ jiġġustifika l-istess żball meta jsir min-naħa l-oħra.

L-opinjonisti tkellmu ukoll dwar l-aġir tal-Gvern li jaghlaq ħalq l-Oppożizzjoni. Simon Mercieca qal li l-aghar haga li jista’ jaghmel il-Labour huwa li quddiem il-kritika, b’ton arroganti jghid lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jghalaq halqu u ma jghid xejn. Filwaqt li Gejtu Vella ikkritika stqarrija li kienet tgħid li l-uniku mod li l-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jkun pożittiv huwa billi ma jitkellimx. Sostna li din hija dikjarazzjoni politika qawwija ġafna li m’għandix tinħareg minn Dipartiment tal-Informazzjoni.

Punt ieħor li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni hu n-nuqqas tat-trasparenza fil-privatizzazzjoni tal-Enemalta. Lawrence Grech qal li l-każ ta’ Sai Mizzi u l-kwistjoni dwar l-privatizazzjoni tal-Enemalta jpoġġu taħt eżami il-wegħda tal-Gvern Laburista dwar it-trasparenza.