Internazzjonali

23 biljun dollaru talli kien ipejjep

L-armla ta’ raġel li kien chain smoker u miet bil-kanċer fil-pulmun, ingħatat kumpens ta’ 23.6 biljun dollaru mill-kumpannija li kienet tipproduċi s-sigaretti li kien ipejjep.

Cynthia Robinson fetħet kawża kontra RJ Reynolds Tobacco, li jipproduċu s-sigaretti Camel u Winston, wara li r-raġel tagħha, Michael Johnson, miet fl-1996 ta’ 36 sena.

Matul proċess li dam erba’ ġimgħat, l-avukati ta’ Robinson sostnew li RJ Reynolds kienet negliġenti fl-informazzjoni li tat lil dawk li kellhom il-vizzju dwar il-perikli li kien hemm. Għalhekk spiċċa marad bil-kanċer.

Huma qalu li Johnson kien ipprova diversi drabi jaqta’ s-sigaretti imma ma rnexxielux għaliex il-kilba kienet kbira wisq.

Il-ġurija f’Escambia County damet 15-il siegħa tiddelibra sakemm ħarġet il-verdett.